Google Maps

Surġent tal-Pulizija instab ħati li ħa ritratti ta’ informazzjoni u kkopja informazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fl-2017 li waslet għand il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Roderick Sammut li għandu 39 sena kien qed jitressaq il-Qorti akkużat li bejn Ġunju u Awwissu tal-2017, min ġol-għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi kixef informazzjoni minkejja li dan ma kienx fil-qadi ta’ dmirijietu, u kixef sigriet u dokument li kienu ġew fdati lilu bħala Surġent tal-Korp tal-Pulizija. Matul is-smiegħ tal-każ, il-Qorti kienet ġiet mitluba titrattah bħala uffiċjal jew impjegat pubbliku li hu fid-dmir li jissorvelja biex dawn ir-reati ma jsirux.

Ir-ritratti mibgħuta mill-imputat tfaċċaw fuq blogg ta’ Daphne

Għadd ta’ xhieda telgħu l-Qorti sabiex jagħtu r-rendikont tagħhom tal-każ. Spettur li kien xehed kif fis-16 t’Awwissu tal-2017, il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia tellgħet artiklu bl-isem “Nationalist Party leadership contender Adrian Delia replies to questions about anonymous report to the police”. Flimkien mal-artiklu ġie mtella’ ritratt ta’ rapport illi kien juri li ttieħed minn sistema tal-Pulizija.

Spjega li mill-investigazzjoni li għamlet il-Pulizija wara dan l-artiklu, instab li dan ir-rapport kien jirrelata ma’ investigazzjoni li saret fl-2016 mill-Pulizija tad-distrett ta’ Ħal Qormi. Il-Pulizija kienu ġew imsejħa sabiex jinvestigaw karozza minħabba illegalitajiet fosthom traffikar tad-droga. Il-karozza kien instab li kienet ta’ Delia, li dak iż-żmien kien qed jikkontesta l-elezzjoni sabiex jilħaq kap tal-Partit Nazzjonalista, madanakollu t-tfittxijiet tal-Pulizija kienu rriżultaw fin-negattiv.

Mill-investigazzjoni ħareġ li Sammut kien aċċessa r-rapport partikolari minn fuq is-sistema tal-Pulizija tliet darbiet: fl-14 ta’ Ġunju tal-2017 u fil-5 u fit-13 ta’ Awwissu tal-2017. Skont dak li ħareġ fil-Qorti, meta ġie analizzar il-mobile ta’ Sammut kienu nstabu ritratti simili ħafna għal dawk li dehru fl-artiklu ta’ Caruana Galizia. Dawn kienu fil-folder tas-sent items fuq Whatsapp.

Ma hemmx traċċi li r-ritratti kienu ttieħdu mill-istess mobile

L-espert tal-Qorti Dr Martin Bajada li kien intalab janalizza l-mobile ta’ Sammut kien ikkonferma li r-ritratt fuq il-mobile u dak użat fuq il-blogg kienu identiċi. Hu qal li minkejja li r-ritratti nstabu fuq is-sezzjoni tad-dokumenti mibgħuta minn fuq WhatsApp, ma kienx hemm traċċi li juru li dawn ir-ritratti ġew meħuda mill-mobile stess. Bajada qal li jista’ jkun li ħadu bil-mobile, però jista jkun ukoll li rċevih. Bajada qal ukoll li m’hemmx prova jew traċċa lil min kien intbagħat ir-ritratt permezz ta’ WhatsApp.

Sammut li kien ilu impjegat mal-Pulizija mill-2005 weħel multa ta’ €10,000 wara li nstab ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat ukoll li jħallas l-ispejjeż peritali tal-Qorti li ammontaw għal €1,091.50 filwaqt li l-mobile li ntuża biex twettaw ir-reat ġie kkonfiskat.

X’kien jgħid il-blogg ta’ Daphne?

Il-blogg li ppubblikat il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fis-16 ta’ Awwissu, eżatt xahrejn qabel ma nqatlet kawża ta’ karozza bomba, spjega l-każ li deher fir-rapport tal-Pulizija filwaqt li fih ġiet ippubblikata wkoll ir-risposta ta’ Delia għall-mistoqsijiet tal-ġurnalista dwar il-każ.

Delia kien ikkonferma li r-rapport kien veritier u juri dak kollu li ġara dakinhar. Hu kien qal li l-avveniment partikolari kien ixxukkjah, bħal ma kien jixxokkja lil kull ċittadin ieħor li jimxi mal-liġi. Qal li l-Pulizija għarrfuh li t-telefonata li rċevew kienet waħda anonima u li ma kellu l-ebda idea ta’ liema persuna setgħet waslet biex għamlet rapport tat-tip.