L-għaqda Repubblika qalet li l-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li tinfetaħ inkjesta dwar il-Panama Papers f’Malta. Min-naħa tiegħu l-Gvern irribatta li din mhux inkjesta ġdida u li se tkun il-Maġistrat Charmaine Galea li tqis l-“allegazzjonijiet”.

Fuq Twitter, l-għaqda Repubblika ħabret li infetħet inkjesta dwar l-iskandlu tal-Panama Papers f’Malta. Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li dan ifisser li l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi huwa s-suġġett ta’ inkjesta maġisterjali kriminali.

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-inkjesta se tkun qed tħares lejn l-iskandlu li fih huma involuti Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-applikazzjoniet ta’ Busuttil u Repubblika ġew sottomessi mill-avukat Jason Azzopardi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ma weġibx lil Newsbook.com.mt dwar jekk hux se jkun qed jitlob ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi. Qal li din hija repitizzjoni ta’ affarijiet li ġraw fil-passat.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-Maġistrat qalet li “m’għandhiex issir inkjesta oħra imma ssir nota addizzjonali fl-atti tal-inkjesta diġà mibdija” biex “jiġu evitati dupliċità ta’ proċeduri”. Skont il-Gvern Clarke qalet li r-rikors kellu “overlap kbira” fil-kontenut meta mqabbel ma dak li qed jiġi investigat mill-Maġistrat Charmaine Galea.

Busuttil f’filmat fuq Twitter sejjaħ lil Muscat biex iħalli l-ġustizzja ssir mingħajr aktar appelli u ostakli. Qal li jistenna lil Muscat jerfa’ r-responsabbilità politika talli pprova jestakola l-ġustizzja għal tliet snin sħaħ. Temm jgħid li d-deċiżjoni tal-lum tagħti tama li s-sewwa jirbaħ żgur.

X’inhuma l-Panama Papers?

Kien f’April 2016 li l-ICIJ flimkien ma’ aktar minn 100 kamra tal-aħbarijiet, ippubblika l-Panama Papers, dik li titqies bħala l-akbar investigazzjoni ġurnalistika tal-istorja.
Meta d-dokumenti ħarġu fil-pubbliku, Malta kellha 714-il kumpanija msemmija, jiġifieri t-tmien l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Ir-rivelazzjonijiet f’dawn id-dokumenti messew lil Malta mill-qrib, bil-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, jinstab li kellhom dawn it-tip ta’ kumpaniji fil-Panama minn trusts fi New Zealand.

Dak żvelat wassal ukoll għal ħames inkjesti maġisterjali f’Malta, fost l-oħrajn fil-konfront ta’ Schembri u Mizzi.

Twaqqaf ukoll il-Kumitat PANA fi ħdan il-Parlament Ewropew, speċifikament biex jinvestiga l-Panama Papers.

X’qalet il-Maġistrat?

Fid-deċiżjoni tagħha, Clarke qalet li meta Maġistrat jirċievi rapport dwar reat li għalih tista’ tingħata piena ta’ aktar minn tliet snin ħabs u s-suġġett materjali tar-reat ikun għadu jeżisti tista ssir inkjesta. Skont Clarke, normalment huma l-pulizija li wara li jkun sarilhom rapport jinfurmaw lill-Maġistrat u jitolbu li ssir inkjesta.

F’deċiżjoni separata, maħruġa llum ukoll, Clarke ċaħdet ir-rikors ta’ Konrad Mizzi li allega li d-drittijiet umani kienu qed jinkisru permezz tat-talba għal inkjesta dwaru. Clarke qalet ukoll li inkjesta għandha tibda “immedjatament malli jkun hemm suspett li twettaq reat”. Qalet ukoll li jkun “perikoluż ferm” jekk il-proċess tal-preżervazzjoni tal-provi jitwaqqaf jew lanqas jitħalla jibda.

Il-Gvern ippreżenta d-deċiżjoni bħala rebħa – Repubblika

Fi stqarrija, Repubblika qalet li l-Gvern qed jippreżenta d-deċiżjoni tal-Maġistrat bħala rebħa għal Mizzi u Schembri. L-għaqda qalet li d-deċiżjoni tfisser li Mizzi u Schembri issa huma suġġetti ta’ inkjesta kriminali. Repubblika ppublikat ukoll fis-sħiħ id-deċiżjonijiet ta’ Clarke. Repubblika appellat lill-Pulizija biex hi wkoll tibda l-investigazzjonijiet tagħha.

Tennew it-talba tagħhom għar-riżenja ta’ Muscat, Mizzi, u Schembri.

Ir-reazzjonijiet fuq il-midja soċjali:

Aktar dettalji dalwaqt