Il-mexxej tal-Partit Demokratiku u kandidat għal membru tal-Parlament Ewropew (MEP) Godfrey Farrugia sostna li l-familji qed jitkissru għax m’għandhomx biżżejjed pagi. Dan qalu waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum quddiem il-Parlament dwar Jum il-Ħaddiem.

Il-Partit Demokratiku sostna li minkejja li qed ngħixu fl-hekk imsejjaħ “l-aqwa żmien” hawn bosta persuni li mhux qed jitħallew igawdu minn bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol. Sostna li ħafna pagi ma jgħinux familja tlaħħaq mal-bżonnijiet u l-ispejjeż tal-ġurnata u sabiex xi darba jieħdu xi ħaġa li jkun ħaqqhom bi dritt, iridu joqgħodu jistennew xi pjaċir politiku.

Tenna li l-ġustizzja soċjali fuq il-post tax-xogħol ma teżistix hekk kif il-pajjiż għandu paga minima baxxa tant li wieħed ma jistax jgħix b’mod dinjituż, hawn xogħol bil-prekarjat, l-ugwaljanza fil-paga għadha mhix enforzata u d-drittijiet tal-ħaddiema mhux qed jiġu protetti. Il-Partit Demokratiku jemmen ukoll li l-pensjonanti għandhom jitħallew ifittxu xogħol anke meta fi żmien meta m’għandhomx bżonn jaħdmu aktar.

Intant, is-Segretarju Ġenerali u wkoll kandidat għal MEP, Martin Cauchi Inglott sostna li d-drittijiet taċ-ċittadini jiddependu ħafna fuq struttura ta’ liġijiet b’saħħithom. Sostna li bħalissa l-pajjiż għandu kostituzzjoni fqira li għandha bżonn riforma.

Aktar mill-kampanja elettorali llum: