Miljuni ta’ sewwieqa Ingliżi qegħdin fir-riskju li jlaqqtu multi kbar jew li jispiċċaw bla liċenzja tas-sewqan, minħabba xi ħaġa li ma jistgħux jikkontrollaw.

Skont ġurnali Ingliż, miljuni jbatu bil-hay fever fir-Renju Unit u hekk kif joqrob is-sajf, bosta jirrikorru għall-mediċina biex inaqqsu l-effetti tal-allerġija. Iżda ċertu mediċina li tikkura l-hay fever għandha effett ħażin fuq is-sewwieqa, li jistgħu jibdew iħossuhom storduti.

Studji jgħidu li 58% tas-sewwieqa li jbatu bil-hay fever saqu wara li ħadu l-anthihistamines. Madwar 10% ħassew l-effett tal-mediċina waqt li kienu qed isuqu.

Uffiċjal għas-sigurtà fit-toroq qal li xi mediċini jistgħu jaffettwaw il-viżjoni, is-smigħ, il-ħin li tieħu biex tirreaġixxi u nuqqas ta’ attenzjoni. Saħaq li dan jista’ jwassal għall-inċidenti tat-traffiku li jinvolvu sewwieqa u passiġġieri oħra.