Studenti Maltin esponew lil studenti Torok għall-ikel u t-tradizzjonijiet Maltin meta dawn żaru Malta permezz tal-proġett tal-iskejjel eTwinning.

F’dan l-iskambju, ipparteċipaw l-iskola li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Belt Valletta, l-iskola ta’ San Ġwann u anke skola Torka, billi l-istudenti Torok żaru l-Gżejjer Maltin flimkien ma’ 2 għalliema tagħhom.

Dan kien skambju mimli attivitajiet, qalu l-għalliema u l-istudenti lil Newsbook.com.mtFost l-attivitajiet li għamlu, żaru ċ-Ċentru Diġitali tal-Litteriżmu fil-Ħamrun, u anke dewqu lill-istudenti Torok ftit mit-tradizzjonijiet Maltin billi żifnulhom żifna tradizzjonali Maltija, u lagħbu logħob li llum minsi, bħall-passju, il-ħabel, il-lastku, u ż-żunżana ddur iddur. Barra minn hekk, tawhom biskuttini tar-raħal u ftira biż-żejt.

Ma kinux l-istudenti Maltin biss li ħadu gost, għax l-istudenti u l-għalliema Torok qalu li ssaħħru wara Malta, bi studenta tgħid li għoġbuha l-iżjed Għawdex u l-Belt Valletta.