She is the earth fire that makes four walls home,

No room is dark or cold when she is near;

She is the lamp lit when the shadows come;

The answering voice that robs the night of fear.

She is the lost thing found; the healing kiss

Balm for youth’s griefs; the heart that understands;

All comfort and all light are where she is

And all of heaven she holds in her two hands.

B’din is-silta meħuda mill-poeżija “The Mother’ ta’ Margaret C. Gibbins xtaqt niftaħ din il-kitba tiegħi dwar l-Omm fl-okkażjoni tal-festa tagħha l-Ħadd 12 ta’ Mejju,  għaliex naħseb li din is-silta  hija definizzjoni eżatta ta’ dil-krejatura, ta’ dil-bewsa li tfejjaq, il-qalb li tifhem, u fuq kollox,  il-balzmu t’uliedha, b’mod speċjali matul is-sigħat tad-dwejjaq.  Min daqsha jista’ jifhem u jagħder!  Hija l-Omm li m’għandhiex sabar toqgħod passiva jew tosserva bla ma tagħmel xejn.  Imbagħad ma rridux ninsew li niġu fid-dinja permezz  tagħha wara li tkun ilha ġġorrna fil-ġuf  għal disa’ xhur sħah; tgħinna meta nkunu  żgħar u tikkunslana meta nkunu kbar.  Da żgur li jixirqilha li jkollha din il-għodwa ddedikata lilha.  Jum l-Omm immela għandu jkun għalina l-Jum għażiż li fih aħna niftakru  f’ommijietna.  Wieħed qatt ma jasal biex japprezza oġġett daqskemm meta jkun għandu u mbagħad jitilfu.  Sakemm ommna għadha ħajja nsibuha dejjem lesta ma’ djulna biex taqsam magħna  l-ferħ u n-niket ta’ ħajjitna.

Bla dubju mhux kulħadd qiegħed igawdi lil Ommu.  Xi wħud tilfuha darba għal dejjem u għalhekk dan il-Jum iġibilhom ħafna  tifkiriet sbieħ tal-imgħoddi.  Huma tifkiriet li ma jmutu qatt  u li jġibu l-faraġ, is-sabar u l-ferħ.  Għalkemm il-firda hija dejjem kerha,  din għandha tinbidel f’ferħ meta wieħed jiftakar li permezz tagħha, l-Omm tinsab fit-tgawdija tal-Ġenna, premju tassew mistħoqq tax-xogħol li wettqet fi ħdan il-familja u s-soċjeta’ kemm damet tgħix fostna.  Dawk l-ulied li tilfuha huma fid-dmir  li f’dan il-Jum joffrulha r-rigali tagħhom; mhux ir-rigal li jinxef u jitmermer bħal bukkett fjuri ta’ fuq il-qabar, iżda t-talb imħeġġeġ tagħhom  flimkien mal-quddiesa u t-tqarbina ta’ dan il-jum.  Fil-gżira tagħna, il-Moviment ta’ Kana għamel żmien  jagħmel quddiesa f’dan il-Jum fil-Kappella taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija (tal-Barmil).

Dawk fostkom imbagħad li għadhom igawdu lil ommhom, jaraw li ma jonqsuhiex;  għal kuntrarju, jgħożżuha u jħobbuha lil din l-aqwa krejatura tal-ħolqien, u f’dan il-jum għażiż juruha l-gratitudni kollha tagħhom billi qabel xejn, jieħdu riżoluzzjoni li jirrispettawha u jħobbuha dejjem aktar.  Dawk l-ulied li forsi joqogħdu ‘l bogħod minn darha, tajjeb li jżuruha f’dan il-jum tagħha u juruha l-imħabba tagħhom bħal meta kienu żgħar. Telefonata m’għand iben emigrant jista’ jtellagħha s-sema lil għażiża ommu.  L-ikbar rigal li nistgħu nagħtuha huwa dak li aħna nkunu ulied tajba li ommna tħossha kburija bina.

L-ewwel kelma li tennejna kienet ‘ma’; l-ewwel kelma f’mument ta’ biża’ jew ansjeta’ kienet  ‘ma’;  l-ewwel kelma li toħroġ minn fommna meta nweġġgħu hija ‘ma’; l-ewwel kelma f’mument ta’ sorpriża bla ma nittendu hija ‘ma’! Dan kollu juri li l-memorja u x-xbieha tal-Omm qatt ma jgħibu minn quddiem għajnejna sew jekk għadna żgħar u sew jrkk kbirna fl-eta’.  Dan ma jistax ikun mod ieħor għaliex l-omm tagħmel elf sagrifiċċju  biex tara lil uliedha sewwa.  Sa ma qabel jiftħu għajnejhom għall-ewwel raġġi tax-xemx hija tara x’tagħmel biex iżżommhom protetti minn għajnejn seksieka, minn xi disgrazzja li tista’ ġġib xi ħsara fil-ġisem li jkun għadu qed jifforma; tħares iktar mis-soltu lill-persuna tagħha, tiekol mill-aħjar u ssostni ruħha, tnaqqas ċertu taħbit u tbatija żejda.  Biex tarana f’saħħitna, taħrab kull vizzju u mitt ħaġa oħra sabiex lid-dinja tkun tista’ tagħtiha wild ġdid, sabiħ bħal tulipan imperreċ għall-ewwel qtar tan-nida ta’ filgħodu.

Għalkemm il-missier irid jagħti s-sehem sħiħ tiegħu wkoll lil iben jew bint li jkunu ġew fid-dinja, hija l-Omm li tagħti l-akbar sehem fit-trobbija tal-ulied.  Hija tindokra waqt li l-missier ikun barra għax-xogħol, tixtri, titma, taħsel, tonxor, traqqa, tnixxef, tlibbes, issewwi, tħajjat, issajjar, tgħallem u tishar fuq uliedha bla serħan.  Is-servizz tagħha jtul erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.  Qalbha tieqaf meta tara lil xi ħadd minn uliedha f’qiegħ ta’ sodda.  Kemm wegħdi u sagrifiċċji tagħmel biex tarahom fuq saqajhom mill-ġdid!

Xieraq għalhekk li din l-Omm tieħu tal-inqas ġurnata vaganza  darba fis-sena.  Kien għalhekk li nħolqot il-“Mothering Sunday” fiż-żmien l-imgħoddi magħrufa llum bħala l-‘Mother’s Day’.  F’dan il-jum għandna nagħtuha btala xierqa lil ommna, iżda biex din tkun kompluta, irridu nibqgħu nuruha dan is-sens ta’ qima u rispett il-jiem kollha ta’ ħajjitha.

Fi ftit kliem, biex niġbru kollox, l-omm taf tagħder u ma tistenniex wisq; iżda huwa d-dmir tagħna lkoll li bħala uliedha, inħobbuha s-sena kollha, nobduha u ma ninkwetawhiex.  Dawk imbagħad li x-xorti riedet li tilfuha diġa (bħalma sfortunatament ġara lili), jitolbu għaliha, iżuru qabarha f’dan il-jum u mal-bukkett fjuri li jqegħdulha fuq il-lapida kiesħa tal-irħam, flimkien mal-poeta jgħidulha:

Għaliex int mitt biex tgħix, tgħammar ġo qalbna

B’demmek biss sħuna;

U jekk tħabbat il-qalb, tħabbat int magħha

Għalkemm midfuna.

W għalhekk fuq qabrek fejn tinsab mistrieħa

Sikwit tismagħna

Niġu nħabbtulek ftit, biex tbexxaq l-għata

U tqum tarana.

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex