L-eks Maġistrat Carol Peralta applika biex jibni aparthotel ta’ tliet stillel fuq mhedda ta’ 5,500 metru kwadru fuq art agrikola fil-Mellieħa.

Il-proposta għal dan l-iżvilupp bin-numru tal-applikazzjoni PA/03488/19 tinsab fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp maġenb iċ-ċimterju Omm il-Ħniena fi Triq il-Marfa faċċata lukanda oħra, Luna Hotel. L-iżvilupp propost huwa fuq sitt sulari.

L-iżvilupp propost jinkludi apart-hotel ta’ tliet stillel u faċilitajiet oħra li jinkludu 38 spazju ta’ parkeġġ fuq livell taħt l-art, erba’ spazji għan-negozju, ristorant, żewġ bars, sala, gym u żewġ pixxini.

L-eks Membru Parlamentari f’isem il-Partit Laburista u l-perit Charles Buhagiar applika f’isem l-eks Maġistrat Peralta. Peralta kien irnexxillu jibqa’ maġistrat wara żewġ mozzjonijiet biex jitneħħa minn maġistrat. Kien ukoll irrappurtat li kien parti mill-mażunerija.

Iċ-chairman tal-Alternattiva Demokratika u l-perit Carmel Cacopardo oġġezzjona f’isem l-AD għall-iżvilupp propost permezz tas-sit tal-Awtorità tal-Ippjanar. Fl-oġġezzjoni tiegħu huwa spjega li l-proposta hi f’wied li jinsab barra miż-żona tal-iżvilupp u li l-widien għandhom jkunu protteti kif ukoll iż-żoni ODZ. Sostna li għal-ebda raġuni dawn m’għandhom jiġu kkunsidrati għall-iżvilupp, hekk kif spjega li żoni fejn jista’ jsir żvilupp huma diġà kbar biżżejjed u ma għandhomx jiżdiedu żoni għal skopijiet kummerċjali. Spjega wkoll kif li minħabba li l-proposta hi biswit ċimiterju din se toħloq problemi oħra hekk kif jekk tiġi approvata se tkun qed tostakla l-possibilità li jkun hemm estenzjoni fiċ-ċimterju.

Residenti kienu fost il-persuni li oġġezzjonaw sostnew li l-proposta tinsab f’żona li hi barra mill-pjan lokali tal-Mellieħa, waqt li kien hemm min oġġezzjona għax l-art tinħadem mill-bdiewa full-time.

It-Tlieta l-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar għamel mistoqsija parlamentari fuq l-iżvilupp propost filwaqt li ddikjara li se jkun kontra l-proġett li ddeskriva bħala oxxen.