Credit: Monique Agius

L-attivisti Il-Kenniesa appellaw lill-pubbliku sabiex jiddefendi l-ġurnalisti u juri sapport għall-ħelsien tal-midja propju fil-jum iddedikat għall-ħelsien tal-midja.

L-attivisti ltaqgħu quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir fejn hemm ukoll mafkar għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Huma poġġew fjuri li fihom hemm miktuba l-kelma “justice” li tfisser “ġustizzja”, dan qalu li għamluh faċċata tal-Qorti sabiex ifakkru lil dawk kollha li jabbużaw mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-poter billi jippruvaw isikktu lill-ġurnalisti b’tattiċi differenti inkluż attakki, theddid u libelli.

Fi stqarrija l-attivisti sostnew li Daphne Caruana Galizia inqatlet, u minkejja dan għad għandha 36 libell miftuħ fil-konfront tagħha u li qed jidhru għalihom il-familja tagħha ta’ kuljum. Tennew kif hi kienet ippersistiet fil-kitba tagħha minkejja l-attakki varji li kienet tirċievi. Insistew li għalihom Daphne hija ispirazzjoni u figura ta’ kuraġġ u saħħa.

L-attivisti rrimarkaw li l-ġurnata li jieqfu jiġġieldu għall-ħelsien tal-midja hija meta l-ebda ġurnalist ieħor ma jiġi aggredit jew mhedded talli jagħmel xogħolu. Sostnew li l-irwol tal-ġurnalisti huwa essenzjali għad-demokrazija.