Mit-tnedija tiegħu fil-25 ta’ April, il-film ta’ 3 minuti rawh iżjed minn 75 miljun darba; li hija ċifra mingħajr preċedent għal kampanja istituzzjonali (ċifra aġġornata sal-Ħamis 2 ta’ Mejju fid-9.00 am).

Il-film huwa sottotitulat  fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE kif ukoll f’lingwi tal-UE oħrajn, verżjonijiet differenti nazzjonali tal-istess lingwa (total ta’ 32), kif ukoll ħames lingwi maġġuri dinjin (l-Għarbi, iċ-Ċiniż, ir-Russu, il-Ħindi u t-Tork).  Il-film ġie prodott ukoll f’31 lingwa tas-sinjali u bil-lingwa internazzjonali tas-sinjali, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea tal-Persuni Torox.

Dirett mill-ippremjat Frédéric Planchon, u żviluppat u prodott mill-kuntrattur tal-Parlament, European Broadcast Partners u s-sottokuntrattur tagħhom & Co./NoA, il-film jiddokumenta l-mumenti intensivi, sbieħ u fraġli meta t-trabi jitwieldu madwar l-Ewropa u għandu l-għan li jħeġġeġ lin-nies jirriflettu dwar ir-raġuni għala nivvutaw. Kull twelid li jintwera fil-film huwa filmat miġbud realment.  Bħala wieħed mill-elementi ċentrali tal-kampanja elettorali tal-Parlament għall-elezzjonijiet Ewropej 2019, il-film għandu l-għan li jqajjem il-kuxjenza fost l-Ewropej tal-valuri, l-emozzjonijiet u r-responsabbiltajiet li jikkondividu.  Fil-kliem tat-tifla li tinstema’ tul il-film, “Kull wieħed minna jista’ jħalli marka, iżda flimkien nistgħu nagħmlu differenza reali.”

Il-kampanja tal-Parlament Ewropew tinkludi wkoll il-pjattaforma diddarbasenivvota.eu bil-għan li tħeġġeġ lin-nies jinvolvu ruħhom fl-elezzjonijiet Ewropej.  S’issa nkitbu mal-pjattaforma iżjed minn 270 000 persuna.

L-elezzjonijiet madwar l-UE ser iseħħu fl-Istati Membri tal-UE bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju. F’Malta dawn ser isiru s-Sibt 25 ta’ Mejju 2019.