Il-Maġistrat Claire Micallef Stafrace inkarigat lill-imħallef irtirat Michael Mallia biex janalizza l-messaġġi li rċeviet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fuq il-mowbajl tagħha.

Dan seħħ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-Ġimgħa li matulha xehdu Jason Pavia l-Kap tal-Legal tal-kumpanija Vodafone u l-espert tal-Qorti Keith Cutajar.

Waqt is-seduta, il-Prosekuzzjoni fuq talba li kienet għamlet id-difiża li jiġi nnominat espert idealment eks ġudikant li kien ħadem fil-liġi u l-Qorti kriminali sabiex janalizza l-messaġġi u jiddentifika t-theddid li kienet irċeviet Caruana Galizia fuq il-mowbajl tagħha mingħajr ma jinkixfu s-sorsi. Il-Maġistrat Claire Zammit Stafrace għaldaqstant appuntat lill-imħallef irtirat Michael Mallia għal dan l-inkarigu, biż-żewġ partijiet jaqblu.

Il-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet f’karozza bomba għall-ħabta tat-3pm fis-16 ta’ Ottubru 2017 qrib id-dar tagħha. Tliet irġiel qed jiġi akkużati bil-qtil tagħha, George Degiorgio (iċ-Ċiniż), Alfred Degiorgio (il-Fulu) u Vincent Muscat (il-Koħħu). Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra, bl-avukati Eve Borg Constanzi u Jason Azzopardi jidhru għall-parte civile u l-avukati William Cuschieri, Martin Fenech u Mark jidhru għall-akkużati.

LIVE

12:38 Kawża ddefirita għal 22 Mejju fid-9.30am.

12:27 Il-prosekuzzjoni fuq talba li kienet għamlet id-difiża fejn issuġġeriet li jiġi nnominat espert idealment eks ġudikant li kien ħadem fil-liġi kriminali sabiex janalizza l-messaġġi għal theddid li kienet irċeviet il-ġurnalista Caruana Galizia fuq il-mowbajl tagħha mingħajr ma jikxef is-sorsi.

Il-Maġistrat tagħżel lill-imħallef irtirat Michael Mallia għal dan l-inkarigu.

L-avukat tad-difiża jargumenta li jekk xi ħadd hedded lil xi ħadd mhuwiex sors. Iżda l-Qorti tgħid li se jiġu trattati bħala sors.

12:06 Jibda jixhed Jason Pavia li nġab mid-difiża. L-avukat William Cuschieri jgħid li huwa jixtieq ikun jaf kemm qabdu mowbajls ma’ ċertu cell towers. L-Ispettur Kurt Zahra jgħid li x-xhud mhux espert tal-Qorti.

Iqum ukoll l-avukat Martin Fenech, Cuschieri jerġa’ jgħid li jrid ikun jaf kemm utenti mqabbda ma’ cell towers.

Cuschieri staqsa lil Pavia jekk qatt ippreżentax kemm-il utent għamel użu mis-cell tower, b’Pavia qal li kien hemm talba għal informazzjoni u li għaddewha lill-persuni.

L-avukat Cuschieri jsaqsi jekk huwa rahx id-data. Pavia jgħid li l-inġinier kien ħareġ l-informazzjoni u għaddewha l-awtoritajiet.

Il-Maġistrat tgħid lill-avukati tad-difiża mhix se tqabbad lil Pavia jgħodd hu n-numri u l-utenti.

12:07 Jibda jixhed Keith Cutajar, l-espert tal-Qorti li kien inkarigt biex joħroġ l-informazzjoni minn micro SD card. Huwa qal lill-Qorti li wara kkuntajta diversi esperti li qalu li mit-32 GB micro SD card id-data extraction b’mod forensiku ma setax isir.

Cutajar spjega li għamel diversi kuntatti ma’ laboratorji differenti fosthom f’Londra, u l-Polonja. Ġie spjegat li l-kumpanija Toshiba waqfet tipproduċi dawn iċ-ċippi, bil-kumpanija stess kienet ħarġet avviż biex dawn ma jintużawx biex tiġi maħżuna informazzjoni sensittiva. Sostna li ċ-ċans ta’ suċċess biex tinħareġ id-data mill-SD card huwa ta’ 2-3%.

L-avukat tad-difiża William Cuschieri staqsa lil Cutajar jekk l-SD card jekk intbagħtitx barra minn Malta, b’Cutajar iwieġeb fin-negattiv jgħid li bagħat biss ritratti lill-kumpaniji barra minn Malta.

12:07 Jidħlu fl-awla it-tliet imputati.

12:03 Ninsabu fl-awla fil-preżenza tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, fl-awla wkoll hawn preżenti l-familjari ta’ Caruana Galizia. It-tliet irġiel akkużati ma jinsabux fl-awla.

Il-Maġistrat tgħid li rċiviet ir-risposta mingħand l-Avukat Ġenerali dwar rikors li sar minn Alfred Degiorgio dwar id-dagħjsa hi ta’ George Degiorgio. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat biex id-dagħjsa tiġi rilaxxata.

Illum tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet irġiel li jinsabu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia inqatlet f’karozza bomba nhar is-16 ta’ Ottubru 2017 ftit wara li hi ħalliet id-dar tagħha fil-Bidnija. Tliet irġiel qed jiġi akkużati bil-qtil tagħha, George Degiorgio (iċ-Ċiniż), Alfred Degiorgio (il-Fulu) u Vincent Muscat (il-Koħħu).

Il-Qorti qed tiġi ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra, l-avukati Jason Azzopardi, Eve Borg Costanzi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għal parte civile filwaqt li l-avukati William Cuschieri, Martin Fenech u Mark Sant qed jidhru għall-akkużati

AQRA: Assassinju Daphne: Aktar ħajjiet jinsabu f’riskju – avukati

AQRA: Assassinju Daphne: Il-Vodafone se “tixhed dwar l-ipproċessar tad-data”

AQRA: Assassinju Daphne: L-espert tal-IT se jitħalla jixhed fil-Qorti llum

AQRA: Assassinju Daphne: L-esperti jgħidu kif identifikaw id-dgħajsa

AQRA: Assassinju Daphne: Wieħed mill-akkużati jittieħed fi sptar privat