Żewġ irġiel inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja li kienu qegħdin jippjanaw biex jimpurtaw 130 kilogramma tal-kannabis, li nstabet f’garaxx fiż-Żejtun.

L-irġiel inqabdu wara ġimgħat segwiti mill-pulizija li kienu ngħataw ħjiel minn sors. Id-droga nstabet ippakkjata f’bagalja.

2 irġiel arrestati fiż-Żejtun; kellhom 130kg kannabis

L-irġiel, żagħżugħ ta’ 21 sena u raġel ta’ 34 sena, it-tnejn minn Bormla, ġew akkużati li kienu qegħdin jippjanaw li jimpurtaw id-drogi f’Malta, u bil-pussess aggravat tal-kannabis. Wieħed minnhom kien akkużat ukoll li hu reċidiv.

L-Ispettur tal-Pulizija Jonathan Cassar informa lill-Maġistrat Charmaine Galea fil-qorti li ż-żewġ Bormliżi jaf kienu involuti fit-traffikar tad-droga. Qal li l-pulizija għadhom qed jinvestigaw il-każ, peress li qed jissuspettaw li din hi biss parti minn attività kriminali ikbar.

Wieħed minnhom talab għall-ħelsien mill-arrest u t-talba ma ntlaqgħetx, filwaqt li l-ieħor ma talabx li jinħeles.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-pulizija biex tiffriża l-assi tal-akkużati.