Fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, il-ġenituri mhux dejjem isibu l-ħin biex joqogħdu jilagħbu mat-tfal u jqattgħu ħin ta’ rikreazzjoni magħhom. L-iskola St Paul’s Missionary College qattgħet il-jum tal-Ħadd tgħaqqad lill-familji flimkien permezz ta’ open day bit-tema Home Away from Home, bil-ħsieb li l-iskola tkun it-tieni dar tal-istudenti.

Kelliem għall-kulleġġ qal lil Newsbook.com.mt li mingħajr familja, ma jistax ikun hemm edukazzjoni. Għalhekk, ħassew il-ħtieġa li l-open day tal-iskola jiddedikawha lir-relazzjoni kruċjali ta’ bejn il-ġenituri u wliedhom. Spjega li ħadmu fuq din ir-relazzjoni permezz li pereżempju, waqt il-quddiesa, il-ġenituri ħarġu u qagħdu jirriflettu fuq l-andament tal-familji tagħhom. Kellhom ukoll workshops fejn kellhom ċans iqattgħu l-ħin flimkien, pereżempju billi qagħdu jaħdmu bl-injam u joħolqu tifkiriet bħala rigali għal Jum l-Omm u anke Jum il-Missier.

Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-istudenti stess, li qalu li d-dar, mhux dejjem ikollhom ċans iqattgħu l-ħin flimkien, bejn xogħol tad-dar, qadi tal-ġenituri u impenji oħrajn. Għalhekk apprezzaw din l-inizjattiva tal-iskola. Tristan Schembri, is-Segretarju tal-Kunsill tal-Istudenti, qal li fost l-attivitajiet li organizzaw kien hemm human table soccer, pizez, u anke robotika, billi pereżempju qagħdu jibnu l-karozzi tat-tlielaq bil-LEGO.

Ma naqasx ukoll xogħol bl-idejn li qajjem kuxjenza fuq l-iskart, permezz ta’ kompost bid-dud. It-tfal tgħallmu dwar l-importanza li meta jkollhom xi skart żejjed, bħal xi ikel li ma ttikilx, dan jarmuh sew biex jiġi rriċiklat, u ħolqu sistema ta’ kompost permezz ta’ ħamrija, ħaxix u dud.

Filmat: Miguela Xuereb