Mohamed Salah se jkun qed jitlef il-logħba mis-semi finali taċ-Champions League kontra Barcelona FC li se tintlagħab għada ġewwa Anfield. Dan ikkonfermah il-kowċ ta’ Liverpool, Jürgen Klopp.

L-Eġizzjan kien sfurzat joħroġ mill-grawnd wara li weġġa’ rasu waqt il-logħba tas-Sibt filgħaxija kontra Newcastle United. Il-logħba intrebħet minn Liverpool 3-2. Liverpool se jkollhom nieqes ukoll lil Roberto Firminio li għadu qed jirkupra minn uġigħ fil-muskolu ta’ siequ. Klopp qal li Salah sofra minn konklussjoni u għalhekk, lanqas li kieku jrid, mhux se jitħalla jilgħab minħabba raġunijiet ta’ saħħa.

Għada Liverpool se jkunu qed jilqgħu lil Barcelona f’darhom, filwaqt li Ajax se jkun qed jilqgħu lil Tottenham nhar l-Erbgħa. Iż-żewġ logħbiet se jintlagħbu fid-9:00pm, ħin lokali.