Liverpool irnexxielhom jagħmluha għall-finali f’Madrid hekk kif għelbu lil Barcelona 4-0 f’Anfield. Fetaħ bl-ewwel gowl, Divock Origi li skurja biss seba’ minuti mill-bidu tal-logħba. Għalkemm kien hemm diversi sforzi miż-żewġ naħat, l-ewwel taqsima għalqet bil-gowl ta’ wieħed b’xejn. Dan kien ifisser li Barcelona kienu xorta fil-vantaġġ b’żewġ goals mill-ewwel rawnd tas-semi finali.

Fit-tieni taqsima, Georginio Wijnaldum skurja żewġ gowls f’żewġ minuti, bl-ewwel gowl jagħmlu fl-54 minuta. Bis-saħħa t’hekk iż-żewġ timijiet kienu f’parita. Wijnaldum kien ilu fil-grawnd tmien minuti biss qabel ma rnexxielu jdaħħal l-ewwel ballun fix-xibka. Il-partita tista’ tgħid ingħalqet hekk kif Origi reġa’ skurja għat-tieni darba biex għamilhom 4-0. Kien Trent Alexander-Arnold li wieħed jista’ jgħid kien makakk biżżejjed u ta corner fil-ħin li ra l-plejers ta’ Barcelona mitlufa, biex b’hekk Origi faċilment sab il-lasta.

Issa, l-għajnejn se jaqgħu fuq il-logħba bejn Ajax u Tottenham fejn wara l-ewwel rawnd, Tottenham qegħdin gowl minn taħt. Wara l-logħba ta’ Liverpool u Barcellona, wieħed jista’ jistenna minn kollox hekk kif min jirbaħ il-logħba se jkun qed jikkompeti fil-finali kontra Liverpool.