Ritratt: Facebook

Is-serje Beverly Hills, 90210 se tasal mill-ġdid fuq it-televiżjoni Amerikana mill-Erbgħa 7 ta’ Awwissu, u f’dawn l-aħħar sigħat ġie żvelat filmat fuq il-mezzi soċjali li juri l-kast tas-serje oriġinali tas-Snin 90, jingħaqad mill-ġdid biex jiddiskuti l-iskripts tas-sensiela l-ġdida li b’kollox se jkun fiha sitt puntati.

Ix-xnigħat li din is-sensiela se terġa tinħadem mill-ġdid bil-kast oriġinali kienu ilhom li ħarġu iżda kien jonqos il-konferma ta’ tnejn mill-atturi, Shannen Doherty u Luke Perry. Dan tal-aħħar li miet nhar l-4 ta’ Marzu wara li sofra minn puplesija, kien diġa impenjat fis-serje Riverdale u kienet inċerta l-preżenza tiegħu fis-sensiela.

Tant ieħor inċerta kienet il-preżenza ta’ Shannen Doherty, minħabba li kien magħruf li fis-snin li Beverly Hills, 90201 kienet tinħadem fil-bidu tagħha, kellha karattru diffiċċli mmens, u kellha diżgwid ma’ bosta mill-atturi.

Madanakollu, jidher li wara l-mewt ta’ Luke Perry, l-affarijiet donnhom ikkalmaw u issa ġie kkonfermat ukoll is-sehem tagħha, kif jixhdu wkoll ir-ritratti u filmati li għadhom kif inħarġu.

Gabrielle Carteris, Shannen Doherty, Jennie Garth, Brian Austin Green, Jason Priestley, Tori Spelling, u Ian Ziering se jerġgħu jkunu l-protagonisti iżda qed jinsistu li dawn is-sitt puntati ma jfissirx il-comeback tas-sensiela. Qed jiddeskrivu BH90210, kif se jkunu msemmija l-puntati l-ġodda, bħala serje li tiżvolġi madwarhom bħala atturi.

Ritratt: Facebook

Dan għaliex is-sensiela se tiffokka fuqhom bħala atturi hekk kif jippruvaw jirxuxtaw mill-ġdid is-sensiela Beverly Hills, 90210, li nħadmet bejn l-1990 u s-sena 2000.

Minnha kienu ħarġu żewġ spin offs, Melrose Place (1992 -1999), kif ukoll 90210 (2008 – 2013).

Bla dubju se jinħass in-nuqqas ta’ Luke Perry, iżda jingħad ukoll li dawn is-sitt puntati speċjali se jkunu qed isellmu l-memorja tiegħu.

Dan huwa l-filmat maħruġ biex “jinki” l-fans kollha ta’ Beverly Hills, 90210: