Malta għandha tingħaqad mat-8 pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li qed jappellaw biex 25% tal-baġit tal-Unjoni Ewropea biex tiġi indirizzata l-problema tal-klima. Fi stqarrija l-Partit Demokratiku qal li Malta s’issa għadha ma qalet xejn dwar dan għalkemm ammettew li gżejjer żgħar huma vulnerabbli biex jindirizzaw il-problema tat-tibdil fil-klima.
Il-Mexxej tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li hu se jkun qed jitkellem dwar dan fil-Parlament it-Tnejn li ġej. Farrugia ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex fis-summit tal-Mexxejja Ewropej f’Sibiu, jiffirma li lest jinvesti 25% tal-baġit Ewropew biex tkun indirizzata l-bidla fil-klima. Huwa spjega li bħala pajjiż irid ikun proattiv u jsalva l-ambjent.
Id-Deputat Mexxej u Kandidat għall-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema Timothy Alden qal li Malta ffirmat il-ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kklima u l-miri ta’ żvilupp sostenibbli iżda bħala pajjiż għadu ‘il bogħod milli jkollu ekonomija sostenibbli u ċirkulari f’Malta. Huwa qal li aktar minn qabel il-Gvern Malti għandu jieħu din il-kwisjoni bis-serjetà.
Il-kandidata għall-elezzjonijiet tal-Parlamament Ewropew Camilla Appelgren qalet li ħafna nies mhux jagħtu kas il-periklu fuq il-ħajja tan-nies f’isem il-progress. Hija qalet li dawn il-persuni qed ixerrdu informazzjoni li mhux korretta u għalhekk inaqqas il-proċess biex wieħed jindirizza t-tibdil fil-klima fil-ħin. Hija qalet li kull ġurnata li tgħaddi u ma tiġix indirizzata din il-problema qed jiżdied il-prezz biex wieħed isalva din-il pjaneta.
Il-Kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Martin Cauchi Inglott qal li l-Partit Demokratiku jissapportja l-istrateġija tal-Ewropa li sal-2050, l-Ewropa tkun mmexxija minn karbonju-newtrali. Huwa qal li jekk ikun elett kandidat mill-Partit Demokratiku, se jkun qed jassigura li din il-kwistjoni tibqa’ fuq nett tal-aġenda Ewropea.