Il-klinika tal-Kap tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia f’Ħaż-Żebbuġ sebħet b’att vandalu s-Sibt filgħodu, meta t-tabib mar u sab ilma jċarċar għal tliet sulari minħabba vit li tħalla miftuħ u sink misdud.

It-tabib xerred filmat fuq Facebook, li fih qal li ma jiflaħx għal iżjed vendikazzjonijiet. Milli jidher, xi ħadd sadd is-sink u ħalla l-vit jagħti tul il-lejl. Minħabba f’hekk, l-ilma tal-vit inxtered mal-klinika għat-tliet sulari li fiha.

Fil-filmat temm jgħid li jitlob lill-Bambin jgħin lil min kien li wettaq l-att vandalu fil-klinika tiegħu. Intant, bosta persuni kkummentaw fuq Facebook, partikolarment ħafna Żebbuġin, ifaħħru s-servizz ta’ Farrugia bħala tabib, u jikkundannaw din il-ħsara li saritlu.

F’kummenti li ta lill-gazzetta The Malta Independent, Farrugia qal li ma kienx hu biss li safa vittma tal-vandaliżmu, iżda anke s-sieħba tiegħu Marlene Farrugia, li hi wkoll parti mill-Partit Demokratiku. Xi ħadd sadd it-toilets tal-klinika tad-dentistrija tagħha, u xi ħadd ukoll irrapporta l-paġna tagħha fuq Facebook, tant li din ġiet blokkjata.