Il-Partit Demokratiku qal li issa li beda l-istaġun tal-immigrazzjoni, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea ssib mod kif tikkontrollah. Il-PD issuġġerixxa li l-UE tagħti prijorità lil-Libja, għax inkella, in-nies jibqgħu jmutu sakemm ma l-mexxejja jilħqu deċiżjoni.
Il-Partit ħareġ din l-istqarrija wara li mietu 65 immigrant qrib il-kosta Libjana, u l-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 85 immigrant f’każ separat. Skont il-PD, dan juri li l-UE għadha mhix tirnexxi fir-rigward tal-immigrazzjoni u tal-policy dwar l-ażil.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PD Martin Cauchi Inglott qal li ċ-ċittadini qegħdin jirrealizzaw li l-UE hija biss kapaċi li toħroġ bi pjanijiet li jsolvu s-sitwazzjoni għal żmien qasir, sakemm jgħaddi s-sajf, u mbagħad kollox jerġa’ l-istess f’Mejju ta’ wara. Cauchi Inglott qal li l-unika soluzzjoni li tista’ tindirizza t-tbatija tar-refuġjati hija jekk l-UE ssaħħaħ il-policy tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-barranin, partikolarment b’rabta mal-Libja. Insista li l-Libja trid tkun prijorità għall-Unjoni Ewropea.
Il-Kap tal-PD Godfrey Farrugia qal li t-tibdil fil-klima qed jaffettwa l-Afrika, u dan se jkollu effett fuq l-immigrazzjoni. Il-Membru Parlamentari tal-PD Marlene Farrugia żiedet tgħid li huwa inuman u perikoluż li l-immigranti jitħallew il-baħar.