Ritratt: Andres Putting

Filwaqt li bosta huma dawk li jkunu qed jistennew din il-ġimgħa li fiha l-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest tilħaq il-qofol tagħha, hawnhekk se nwasslulkom ftit kurżitajiet:

Min hu l-ikbar u min hu l-iżgħar?

L-eta’ tal-artisti parteċipanti f’din l-edizzjoni hija waħda interessanti. Vera li l-Eurovision huwa kompetizzjoni għal kantanti żgħar? Minn ftit riċerka li għamilna jidher li dan mhux il-każ. L-ikbar eta’ f’din l-edizzjoni hi ta’ Serhat għal San Marino. Għandu 54 sena.

Serhat. Ritratt: Andres Putting
Tamara Vukocic. Ritratt: Andres Putting

 

L-iżgħar hija Tamara Vujačić li għandha 16-il sena u li se nkunu qed narawha mal-grupp D Mol għall-Montenegro. U biex naqtgħulkom il-kurżita, Michela hija t-tielet l-iżgħar artista fil-Eurovision 2019, għax għandha 18-il sena!

Tapit oranġjo flok aħmar!

Christabelle fuq it-tapit blu fl-2018. Ritratt: Andres Putting

Illum il-Ħadd f’Tel Aviv fl-Iżrael se ssir iċ-ċerimonja tal-ftuħ fejn l-artisti parteċipanti jgħaddu minn fuq it-tapit fi Pjazza Habima u jibqgħu deħlin fit-Teatru Habima. Din is-sena l-kulur huwa oranġjo! Stramba hux? Pero fil-Eurovision din mhux l-ewwel darba li l-kulur tat-tapit fiċ-ċerimonja tal-ftuħ ma’ kienx aħmar.

 

 

Iċ-ċerimonja tat-tapit bdiet fl-2009 u dejjem kien hemm tapit aħmar għajr fl-2010 meta kien ta’ kulur roża u s-sena l-oħra kien ta’ kulur blu u minn fuqu għaddiet Christabelle Borg li għal pajjiżna kienet qed tieħu sehem bil-kanzunetta Taboo!

Iva…. lil dawn tafuhom diġa!

Meta tibdew taraw il-Eurovision nhar it-Tlieta u l-Ħamis taħsbux li se titqarrqu meta taraw uċuh familjari. Dan għaliex hemm ħames artisti li se jkunu qed jagħmlu r-ritorn tagħhom fil-Eurovision.

Min huma dawn il-ħamsa?

Sergey Lazarev. Ritratt: Andres Putting

Sergey Lazarev għar-Russja huwa wieħed mill-favoriti li jirbaħ din l-edizzjoni. Hekk kienu qalu għalih fl-2016, iżda kien spiċċa fit-tielet post!

Kien ukoll ġie Malta għat-tour promozzjonali, iżda sfortunament meta wasal f’pajjiżna irrealizza li l-bagalji tiegħu ma waslux!

Joci Papai. Ritratt: Andres Putting

 

Lil Joci Pápai se narawh għall-Ungerija. Diġa’ kien ħa sehem għal dan il-pajjiż fl-2017 meta ġie fit-tmien post. Tgħid din is-sena se jirnexxielu jikseb pożizzjoni aħjar?

Tamara Todevska. Ritratt: Thomas Hanses

 

 

Tamara Todevska se tieħu sehem għall-Maċedonja ta’ Fuq. Din hija t-tielet parteċipazzjoni tagħha fil-Eurovision, l-ewwel darba bħala backing singer għal Tose Proeski fl-2004. Fl-2010 ħadet sehem bħala parti mit-trio Tamara, Vrcak u Adrian u issa għall-ewwel darba bħala solista.

Nevena. Ritratt: Thomas Hanses

 

Nevena Božović se narawha għas-Serbja. Hija l-ħames u l-aħħar artista li se tkun qed tirritorna fuq il-palk tal-Eurovision.

Pero, bħal Tamara, din hija l-ewwel darba bħala solista peress li fl-2013 kienet irrappreżentat lil pajjiżha bħala parti mill-grupp Moje 3.

Serhat. Ritratt: Cem Talu

 

 

U fl-aħħarnett Serhat għal San Marino. Huwa kanant Tork li anki kien ġie Malta bħala parti mit-tour promozzjonali għall-kanzunetta I Didn’t Know li kien ħa sehem biha fil-Eurovision ta’ tlett snin ilu.

Din is-sena se narawh bil-kanzunetta Say Na Na Na.

Din se tkun l-10 darba ta’ San Marino fil-Eurovision. Tgħid se jirnexxielu jwssal dan il-pajjiż għat-tieni finali tiegħu?