F’filmat imtella online mill-għaqda Sea-Watch juri raġel jgħum lejn il-bastiment Vos Triton sabiex isalva mill-għarqa meta d-dgħajsa li kien fuqha ġġarrfet ‘il barra mill-kosta Libjana.

Fi stqarrija, l-għaqda Sea-Watch 3 spjegat li tinsab fi triqitha lejn iż-żona ta’ tiftix u salvataġġ hekk kif l-aħħar 48 siegħa wrew il-bżonn kbir ta’ xogħol ta’ salvataġġ fiż-żona. L-NGO spjegat li kien hemm minn tal-inqas tmien dgħajjes fiż-żona, b’waħda minnhom li ġġarfet u ħalliet 70 persuna preżunti mejta. Intant 240 persuna ġew sfurzati jirritornaw il-Libja. Għaldaqstant, l-ajruplan Moonbird qed jibqa’ jiċċirkola ż-żona.

Ġie spjegat kif l-ekwipaġġ ta’ Moonbird osserva kif waqt ħidma bl-interċessjoni tal-Gwardja tal-Kosta Libjana, għadd ta’ persuni qabżu minn dingi tal-lasktu għall-baħar. Id-dingi kien ilu fuq il-baħar mill-ġurnata ta’ qabel.

Aqra: Tifel fost l-immigranti salvati li waslu Malta

Intqal li biex jippruvaw jaħarbu milli jiġu rritornati lejn il-Libja, wħud mill-persuni li kienu abbord bdew jgħumu lejn il-bastiment Vos Triton li kien fiż-żona li kien qed josserva dak li kien qed jiġri imma ma interveniex. Skont Sea-Watch, il-bastiment ipprova jitlaq minn fuq il-post imma l-ekwipaġġ ta’ Moonbird irnexxielu jżommu milli jitlaq u jikkonvinċih sabiex jgħin lill-immigranti li spiċċaw jgħumu f’nofs ta’ baħar.

Kelliem għal Moonbird sostna li l-Unjoni Ewropea issa qed tikkordina b’mod miftuħ il-ksur tal-liġijiet internazzjonali fil-fruntieri tagħha billi tibgħat ajruplani li jiggwidaw il-Libjani lejn il-bastimenti. Qalu li minħabba l-inkompetenza tagħhom kien hemm ukoll xi ftit każijiet pożittivi fost il-kaos hekk kif il-Ħamis, 68 persuna ġew salvati mill-Gwardja tal-Kosta Libjana u 85 oħra minn Malta.