REUTERS/Tony Gentile/File Photo

Kardinal viċin il-Papa Franġisku ġibed l-attenzjoni tal-Ministru għall-Intern Matteo Salvini wara li niżel f’tappiera sabiex iġib lura l-elettriku għal mijiet ta’ persuni bla dar li kienu qed jgħixu f’binja okkupata.

Il-Kardinal Konrad Krajewski, ta’ 55 sena, li xogħlu huwa li jqassam il-fondi tal-karità tal-Papa, mar fil-binja statali li tinsab viċin il-katidral ta’ Ruma u qatgħa l-istrixxa tal-Pulizija sabiex jirranġa s-circuit breakers tal-elettriku.

Għal uħud deher bħala eroj, tant li l-gazzetta La Repubblica ppubblikat artiklu tiddeskrivih bħala r-Robin Hood tal-Papa. Il-Kardinal li tkellem mal-gazzetta Corriere della Sera qal li assuma r-responsabbiltà kollha tal-każ u li jekk tasal xi multa lest li jħallasha kollha hu.

Il-binja ilha okkupati mill-2013 minn Taljani li tilfu djarhom u immigranti. Fiha kienu qed jgħixu 450 persuna, fosthom 100 tifel u tifla. Il-binja kien ilha mingħajr elettriku mis-6 ta’ Mejju minħabba li mat-€300,000 kontijiet ma tħallsu qatt.

Intant, Salvini sostna li d-difiża tal-illegalitajiet qatt ma hija sinjal tajjeb. Hu kemm-il darba ma qabilx mal-Papa dwar il-migrazzjoni u problemi soċjali oħrajn.