Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sfida lill-Mexxej Laburista Joseph Muscat għal dibattitu nhar il-Ġimgħa.

Delia qal dan waqt li kien qed jindirizza attività politika f’Misraħ tal-Madonna Medjatriċi f’Ħaż-Żabbar. Delia qal li nhar il-Ġimgħa hemm il-programm Xarabank u sfida lil Muscat biex jaċċetta li ssir diskussjoni.

Il-manifest tal-PN ċar u tond favur il-ħajja – Delia

Delia qal li l-manifest elettorali tal-PN jgħid ċar u tond li l-partit huwa favur il-ħajja u li jorbot lill-MEPs tal-PN biex jaħdmu favur id-dritt tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.

Delia qal li mill-banda l-oħra l-manifest tas-soċjalisti Ewropej jorbot lill-MEPs tal-PL li jappoġġjaw l-abort. Qal li jgħid ukoll li jkunu favur li s-sistema tat-taxxa Maltija ma tibqax tiġi deċiża mill-gvern tal-ġurnata. Skont Delia, jekk jiġri hekk ikun hemm madwar 27,000 persuna li jaħdmu fis-settur finanzjarju li l-impjieg tagħhom jisfaxxa fix-xejn.

Delia qal ukoll li l-kandidati tal-partit tiegħu huma marbutin ukoll li jegħlbu l-kanċer. Qal li din “mhix impossibbli”. Qal li trid issir ħidma fl-Ewropa biex sal-2045 l-Ewropa tkun carbon neutral li jfisser li ma jsirx aktar tniġġis. Qal li ssir ħsara lil Malta u lid-dinja jekk ma titteħidx azzjoni issa għax ikun tard wisq.

Ma nirbħux bit-theddid – Delia

Delia qal li l-partit tiegħu ma jirbaħx l-elezzjonijiet bit-theddid. Qal li l-PN jirbħa bl-argumenti u bil-perswazzjoni. Żied jgħid li l-PN kapaċi jfiehem lin-nies mingħajr ma jidħak bihom.

Delia fakkar lin-nies li fadal madwar 12 il-ġurnata sal-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju u appella lin-nies biex ma jinħlewx jgħajru lil xulxin u jinqasmu f’żewġ kampijiet differenti imma li jgħarblu l-argumenti. Delia qal li din mhix elezzjoni li tbiddel il-Gvern imma li tbiddel l-attitudni tal-Gvern.

Appella liż-żgħażagħ biex jersqu lejn il-PN bl-ideat tagħhom u biex bil-vot tagħhom ibiddlu l-Ewropa. Delia qal li l-PN imur fl-Ewropa mhux biex jattakka lill-Gvern imma biex jipproteġi l-interessi tal-Maltin.