Tħabbret il-mewt tal-attriċi u kantanta Doris Day. Hi kellha 97 sena.

Day kienet waħda mill-atturi femminili ta’ suċċess ta’ Hollywood li kisbet suċċessi kbar fil-box office tal-films b’films bħal Calamity Jane u Pillow Talk. Tlieta mill-kanzunetti tagħha, Sentimental Journey, Secret Love u Que Sera Sera, kisbu wkoll suċċess fix-xena mużikali.

Doris Day, f’ritratt riċenti tagħha

Dawn l-aħħar żewġ kanzunetti rebħu l-Oscar tal-Aqwa Kanzunetta Oriġinali fis-Snin 50.

Fl-2008, Day kienet ukoll rikonoxxuta bil-Grammy Lifetime Achievement Award.

Kienet ukoll rikonoxxuta b’żewġ stilel fuq il-famuża Hollywood Walk of Fame, waħda għas-sehem tagħha fil-qasam ċinematografiku, u oħra għas-sehem tagħha fix-xena mużikali.

Il-President Amerikan George W. Bush ried jirrikonixxi x-xogħol li hi għamlet mal-annimali billi jagħtiha il-Presidential Medal of Freedom, iżda Day ma attendietx għaċ-ċerimonja minħabba fil-biżgħa tagħa li titla’ fuq ajruplan. Kien minħabba din l-istess biżgħa li Day ma attenditx għal bosta ċerimonji oħra li riedu jirrikonoxxu x-xogħol tagħha.

Hi kellha tifel wieħed, Terry Melcher, li kien miet fl-2004.

Doris Day mietet fid-dar tagħha f’Carmel Valley, fil-Kalifornja. Jingħad li kienet mara b’saħħitha ħafna, u kien dan l-aħħar bdiet tmur lura wara li qabditha polmonite.