Tħabbret il-mewt tal-attriċi Peggy Lipton fl-eta’ ta’ 72 sena. L-attriċi kienet magħrufa għas-sehem tagħha fis-sensiela oriġinali ta’ The Mod Squad fis-Snin 60, kif ukoll għall-interpretazzjoni tagħha ta’ Norma Jennings fis-sensiela Twin Peaks li kienet ixxandret b’suċċess fenomenali fis-Snin 90.

Peggy Lipton bħala Norma Jennings fi Twin Peaks

Fl-2017 hi kienet reġgħet daħlet f’dan il-karattru meta David Lynch reġa rxoxta din is-sensiela 25 sena wara t-tmiem tas-serje oriġinali. Hi ħadmet f’ħamsa minn dawn il-puntati.

Bejn l-1974 u l-1986 kienet miżżewwġa lill-mużiċist Quincy Jones u kellhom żewġt ulied, Rashida u Kidada, it-tnejn li huma atturi.

Barra karriera bħala attriċi u mudella, Lipton kellha karriera qasira bħala kantanta, u tlieta mis-singles tagħha saħansitra spiċċaw fil-klassifika tal-Billboards. Dawn kienu s-siltiet Stoney End, Lu u Wear Your Love Like Heaven.

Peggy Lipton hija wkoll mniżżla bħala waħda mill-awturi tal-kanzunetta L.A. Is My Lady li biha Frank Sintra kiseb suċċess fl-1984.

Ġie rrappurtat li Lipton mietet is-Sibt li għadda fid-dar tagħha mdawwra minn uliedha u neputijiet. Jingħad li l-mewt tagħha ġiet kaġunatha minn kumplikazzjonijiet minn kanċer, li tiegħu bdiet tieħu trattament fl-2004.