Il-laqgħa tal-Mexxejja Reliġjużi fl-Ingilterra li talbu għall-rotezzjoni tal-Libertà Reliġjuża

L-Arċisqof Kevin McDonald ingħqad ma’ mexxejja reliġjużi oħra f’sejħa lill-Gvenijiet tal-Ingilterra u l-Istati Uniti biex jipproteġu l-libertà reliġjuża u tat-twemmin. L-appell sar waqt laqgħa organizzata mill-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby, il-ġimgħa li għaddiet.

Mons. McDonald hu l-Arċisqof Emeritus ta’ Southwark u Direttur tal-Uffiċċju għar-Relazzjonijiet Inter-Reliġjużi tal-Konferenza Episkopali Ngliża.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, u Jeremy Hunt, Ministru tal-Affarijiet Barranin Ingliż ingħaqdu mal-Isqfijiet Insara u  l-Kap tar-Rabbin fl-Ingilterra  u l-Imam Qari Asim f’laqgħa fejn iż-żewġ politiċi ddikjaraw li l-ħarsien tal-Libertà Reliġjuża kien importanti għall-gvernijiet li minnhom jiffurmaw parti.

Il-Ministru Hunt qal li l-Ingilterra kienet qed tpatti għall-imgħoddi meta ma ddefenditx il-Libertà Reliġjuża u għalhekk aktar kmieni din is-sena fetaħ inkjesta indipendenti dwar  il-persekuzzjoni tal-insara.

Il-Knisja hi Sagrament

L-Arċisqof McDonald qal li l-Knisja hi sagrament ta’ għaqda għad-dinja kolha u kull reliġjon li temmen f’Alla l-ħallieq għandha tippromwovi lingwaġġ u toħloq qafas li bih tilħaq lil kulħadd irrispettivament mit-twemmin tiegħu.

“It-tolleranza m’hix biżżejjed. Iridu naħdmu flimkien b’mod inklussiv u kreattiv”, qal l-Arċisqof Mc Donald. Hu appella lill-Gvernijiet tal-Ingilterra u l-Istati Uniti biex il-paroli dwar il-libertà reliġjuża jibdluh f’azzjoni u jassiguraw li l-politika barranija tagħhom tħalli effett pożittiv fuq gruppi reliġjużi u persuni innoċenti madwar id-dinja.