Hackers irnexxielhom jinstallaw software ta’ sorveljanza fuq mowbajls u apparat ieħor li jħaddem il-WhatsApp.

Il-kumpanija WhatsApp, li hija mħaddma minn Facebook, qalet li kien hemm għadd partikolari ta’ utenti li kienu fil-mira tal-attakk.

WhatsApp appellat lill-utenti kollha tagħha, li jgħoddu mal-1.5 biljun, biex jaġġornaw l-apps tagħhom bħala prekawzjoni.  L-aġġornament tal-app sar nhar il-Ġimgħa.

Skont rapport fil-Financial Times, l-attakk ġie żviluppat minn kumpanija tas-sigurtà Iżraeljana, NSO Group.

Ahmed Zidan mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti qal li possibilment fil-mira tal-attakk kien hemm ġurnalisti, avukati u attivisti.