Emiliano Lattes ta’ Victoria Hotspurs jirbaħ il-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal April 2019. Il-plejer Arġentin ingħaqad ma’ Spurs fil-bidu tal-aħħar staġun u wera li kien pedina versatili ħafna fit-tim li rebaħ l-kampjonat is-sena l-oħra u li f’dan l-istaġun għamel dopjetta meta rebaħ kemm il-Kampjonat BOV kif ukoll il-BOV GFA Cup.

Victoria Hotspurs kisbu l-punti massimi mill-erba’ partiti tagħhom tul April biex kisbu ċ-ċertezza matematika għat-titlu. Lattes skorja l-gowl deċiżiv fir-rebħa ta’ Victoria Hotspurs ta’ 2-1 fuq SK Victoria Wanderers u skorja l-ħames gowl fir-rebħa kontra Xewkija Tigers bl-iskor ta’ 7-2 biex assiguraw ir-rebħ tat-titlu.

Huwa skorja wkoll l-aħħar gowl tat-tim tiegħu għal dan il-kampjonat fir-rebħa tagħhom ta’ 4-2 fuq Nadur Youngsters qabel ingħataw it-Trofew tal-Kampjonat BOV GFA.