Katerine Duska, għall-Greċja, fl-ewwel semi finali tal-lejla. Ritratt: Andres Putting

Jidher li issa kollox huwa lest biex illejla miljuni ta’ telespettaturi madwar id-dinja jkunu jistgħu jibdew igawdu mill-ewwel minn tliet serati tal-64 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest.

Bħalissa fl-arena ta’ Expo Tel Aviv għaddejjin il-provi tat-tielet u l-aħħar dress rehearsal.

Il-ġurija vvutat ilbieraħ il-50% tal-voti tagħha u llum se jkun imiss it-telespettaturi mis-17-il pajjiż parteċipant biex jivvutaw il-preferenzi tagħhom.

Magħhom se jingħaqdu t-telespettaturi minn Franza, Spanja u l-Iżrael, li posthom huwa diġa garantit fil-finali, li se jkunu qed jivvutaw ukoll.

Il-preżentaturi tal-Eurovision 2019. Ritratt: Andres Putting

10 minn dawn il-pajjiżi parteċipanti tal-lejla se jkunu qed jgħaddu għall-finali tas-Sibt.

Illejla mhux biss jispikka t-talent imma se naraw ukoll spettaklu magħmula minn effetti speċjali, jew inkella kostumi mill-aqwa u xi ftit gimmicks fuq il-palk ma jonqosux.

Wara li tintemm is-serata finali, tissejjaħ konferenza stampa bl-10 parteċipanti li jkunu għaddew għas-serata finali.

Intant aktar tard, ġewwa il-Euro Club, stabbiliment li jilqa’ fih id-dilettanti tal-Eurovision Song Contest, se jkun għaddej spettaklu sħiħ bis-sehem ta’ bosta kantanti passati mill-Eurovision, fosthom Chiara li għal Malta ħadet sehem tliet darbiet, fl-1998 b’The One That I l Love, fl-2005 b’Angel u fl-2009 b’What If We.

Ritratt: Indrek Galetin

 

Chiara, li f’Ġunju li ġej se tkun ukoll mistiedna fil-UNESCON, għall-ewwel konvenzjoni tal-Eurovision Song Contest, mistennija llejla li tagħti l-wirja tagħha fil-EuroClub għall-ħabta tas-1 ta’ filgħodu.

 

 

Għada l-Erbgħa jkun imiss lil Michela Pace biex tagħmel l-ewwel żewġ dress rehearsals tagħha tal-kanzunetta Chameleon li biha se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fis-serata tal-Ħamis.

Ritratt: Eurovision Radio International