Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wara li Dr. Delia ħabbar li kien se jappella s-sentenza tal-qorti biex ikun ippubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant. Zammit Dimech spjega kif il-Prim Ministru Joseph Muscat kien kiser il-wegħda tiegħu. Sostna li jekk hemm bżonn il-Partit Nazzjonalista għandu jmur wkoll fil-Qorti Ewropea għad-drittijiet tal-bniedem.

Meta kien qed jitkellem waqt attivita’ politika fl-Imsida, Zammit Dimech akkuża lill-Gvern li ħataf l-istituzzjonijiet. Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista saħaq li l-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti kienu “kburin li inservu bħala r-rappreżentanti tal-poplu u mhux ta’ min jisraq lill-poplu”.

Francis Zammit Dimech spjega kif huwa jrid ikompli jservi b’lealtà u jaħdem b’risq il-pajjiż. Tkellem dwar il-ħidma tiegħu fil-Parlament Ewropew fosthom ħidma li wasslet biex YouTubers Maltin jitħallsu tal-videos li jipproduċu u ħidma li wasslet biex il-postijiet tax-xogħol ikunu neqsin minn sustanzi li jikkawżaw il-kanċer. Tkellem ukoll dwar il-ħidma tiegħu sabiex jitħares id-dritt li l-poplu jkun infurmat permezz ta’ ġurnaliżmu liberu u protezzjoni lill-whistle blowers.

“Il-Produttur Malti qed intuh il-ħuta iżda noħdulu l-qasba” – Peter Agius

Il-kandidat għal Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Dr. Peter Agius fuq Facebook saħaq li wara 15-il sena ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea Malta kien għad m’għandhiex prodott wieħed Malti rreġistrat għall-protezzjoni tal-Unjoni Ewropea. Semma’ dwar kif l-applikazzjoni biex il-ġbejna Maltija tiġi rikonoxxuta ilha pendenti 3 snin. Dan filwaqt li l-Italja għandha 300 ġobna protetta bid-DOP.

“Qed inġibu kulma hu barrani Malta iżda nsejna kif nieħdu dak li hu Malti barra minn Malta” saħaq Peter Agius. Huwa żied jgħid li wieħed jista’ biss jimmaġina x’nistgħu nagħmlu jekk nagħrfu nimbuttaw il-prodott Malti kif ħaqqu, u nużaw l-għodda Ewropea għal dan il-għan.

Dr. Agius spjega kif barra l-ġbejniet hemm bosta prodotti oħra uniċi ta’ Malta li nistgħu nippromwovu bħall-imqaret, pastizzi, tadam imqadded, basal tal-pikles. Għalaq billi saħaq li huwa kien se jaħdem għar-riżultati għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.