Papa Franġisku jiltaqa' ma' membri tal-Papal Foundation fil-Vatikan

Nhar il-Ġimgħa l-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ membri ta’ dik li hi magħrufa bħala “Papal Foundation” li hi magħmula minn grupp ta’ Kattoliċi Amerikani li joffru riżorsi finanzjarji biex jgħinu diversi proġetti li l-Papa jkun qed iwettaq madwar id-dinja.

Il-Fondazzjoni twaqqfet fl-1990 u sal-lum tat aktar minn US$ 156 miljun f’għotjiet u boroż ta’ studju biex tgħin fil-preparazzjoni ta’ mexxejja tal-Knisja u f’għajnuna lil persuni vulnerabbli.

Appoġġ ġeneruż

Stqarrija mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan tgħid li l-Papa qal lill-membri tal-Fondazzjoni li bħalissa qed jagħmlu pellegrinaġġ f’Ruma, li xtaq jurihom il-gratitudni tiegħu għall-appoġġ ġeneruż li joffru lilu u lill-Knisja madwar id-dinja.

“Matul dan iż-żmien qaddis tal-Għid ningħaqdu biex niċċelebraw ir-rebħa tal-Mulej fuq id-dnub u fuq il-mewt, ir-rigal ta’ ħajja ġdida u ħolqien ġdid u l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Nitolbu biex il-ferħ tar-Resurezzjoni jimla qlubna u jalla ż-żjara tagħkom fuq l-oqbra tal-appostli u l-martri isaħħukom fil-fedeltà tagħkom lejn il-Mulej u l-Knisja tiegħu”.

Il-Papa qal li fis-snin li ilha mwqqfa l-Fondazzjoni, din ikkontribwiet ħafna biex jitrawwem spirtu ta’ fraternità u paċi. Bl-għajnuna tagħha f’diversi proġetti edukattivi, apostoliċi jew ta’ karità u l-boroż ta’ studju lil saċerdoti u persuni ta’ ġajja konsagrata, il-Fondazzjoni tat xiehda tal-ħidma bla waqfien tal-Knisja biex tippromwovi l-iżvilupp integrali tal-familja umana.

Messaġġ mimli tama u ħniena

“F’dinja li sofrtunatament hi mimlija vjolenza u kunflitti; faqar materjali u spiritwali; u l-indifferenza ta’ ħafna, il-ħidma tal-Fondazzjoni tgħin biex il-messaġġ tal-Vanġelu mimli tama u ħniena jasal għand kulħadd, permezz tal-impenn u l-ġenerożità tagħkom”.

Għalhekk il-Papa Franġisku rringrazzja l-membri tal-Fondazzjoni u talab biex huma jiġġeddu fil-ħidma tagħhom li jgħinu jibnu lill-Knisja fl-għaqda, u tmexxi l-ħidma karitatevoli tagħha biex tilħaq lil dawk li huma l-anqas fost ħutna l-bnedmin.

Il-Papa talbhom biex jitolbu għalih, għall-ministeru tiegħu, għall-bżonnijiet tal-Knisja, it-tixrid tal-Vanġelu u l-konversjoni tal-qlub.