Papa Franġisku jmexxi ċ-ċelebrazzjoni li fiha kkonsagra 19-il saċerdot ġdid

Nhar il-Ħadd filwaqt li l-Knisja Kattolika ċċelebrat il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb u Jum il-Vokazzjonijiet, il-Papa Franġisku ordna 19-il saċerdot ġdid waqt quddiesa li saret fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Fl-omelija waqt din il-quddiesa l-Papa qal lis-saċerdoti ġodda biex “dejjem iżommu f’moħħhom l-eżempju tar-Ragħaj it-Tajjeb li ma ġiex biex ikun servut iżda biex iservi u biex ifittex u jsalva lil dawk li kienu mitlufa”.

Hu għamilha ċara li dawn is-saċerdoti ma kienux deħlin f’xi assoċjazzjoni kulturali jew trejd unjon, imma se jkunu parti mill-ministeru ta’ Kristu.

Tieqfux turu ħniena   

F’dan il-jum dedikat għall-Vokazzjonijiet u li fih jitfakkar ir-Ragħaj it-Tajjeb il-Papa Franġisku ħeġġeġ lis-saċerdoti ġodda biex “ma jieqfux u ma jgħajjewx juri ħniena”.  Meta tkellem dwar is-Sagrament tal-Qrar li issa se jkunu jistgħu jamministraw, il-Papa ħeġġiġhom biex “juru ħniena bħall-Missier, kif Ġesù kien ħanin magħna, anzi magħna lkoll”.

Il-Papa nkoraġġihom biex ikunu attenti fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. “Il-Mulej ried isalvana b’xejn. Hu stess qalilna ‘Agħtu b’xejn dak li rċivejtu b’xejn’. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija hi l-qofol tal-għotja tal-Mulej b’xejn. Tħammġuhiex b’xi interessi oħra”.

Il-qassis, żied jgħid il-Papa “għandu jkun qrib Alla fit-talb, qrib l-Isqof, qrib il-presbiteri, qrib saċerdoti oħra u qrib il-Poplu t’Alla”.

Ikel għall-poplu t’Alla

Tmienja mis-saċerdoti l-ġodda huma membri tas-Soċjetà Ulied is-Salib u ieħor mill-Familja tax-Dixxipli. Tnejn studjaw fis-Seminarju Maġġuri ta’ Ruma u t-tmienja l-oħra ħadu l-formazzjoni saċerdotali tagħhom fis-Seminarju Redemptoris Mater tan-Neo Katekumenali. Huma ġejjin mill-Italja, Haiti, l-Ġappun u l-Peru.

“Araw li dak li tgħallmu jkun ikel għall-Poplu t’Alla”, qalilhom il-Papa Franġisku. “Ħallu l-qdusija ta’ ħajjitkom tkun fwieħa sabiħa għas-segwaċi ta’ Kristu. Intom għandkom tkunu nies li titolbu, lesti għas-sagrifiċċju biex bl-eżempju u bil-kelma tibnu d-dar t’Alla li hi l-Knisja”.