It-tim ta’ B’Ċikka se jkunu qed iniedu l-pubblikazzjoni tagħhom għada. Din se tkun qed issir tul il-ġurnata fuq il-Kampus tal-Università. Il-magazine bl-isem ta’ B’Ċikka huwa produzzjoni tal-istudenti li qed jistudjaw il-midja u l-komunikazzjoni fl-Università ta’ Malta. Flimkien mat-tutur tagħhom Malcolm Bonello, l-istudenti ingħataw l-opportunità biex jiksbu prattika fil-proċess tal-iġġenerar ta’ idea, disinjar tal-prodott kif ukoll tal-istampar.

Kull student kellu rwol importanti fit-tim. Uħud kienu qed jieħdu ħsieb l-editorjali, oħrajn ħadu ħsieb id-disinn u uħud ħadu ħsieb ir-riklamar. Lejn l-aħħar kollox ingħaqqad fi prodott wieħed grazzi għall-ħidma tagħhom bħala tim.

Dan il-proġett għen lill-istudenti biex jitgħallmu jużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni aħjar, kif ukoll tgħallmu jwasslu l-messaġġ tagħhom aħjar. Dawn huma ħiliet ferm importanti għal dawn l-istudenti li ‘l quddiem se jkunu qed jaħdmu fil-midja.

Il-magazine fih tnax-il artiklu, miktuba minn studenti tal-Università nfushom, dwar nies, postijiet u avvenimenti kulturali li huma injorati fil-ħajja ta’ kuljum. Hemm varjetà ta’ artikli miktuba kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, u jesploraw varjetà ta’ temi, bħat-tfulija, it-talent lokali, l-arti viżwali, il-moda u ħafna aktar.