L-Air Malta se tkun qed topera darbtejn fil-ġimgħa lejn il-Kajr minn Settembru li ġej, kull nhar ta’ Tnejn u Ġimgħa lejn il-belt kapitali Eġizzjana.

Dan is-servizz se jibqa’ għaddej tul ix-xitwa kollha. Din ir-rotta se terġa’ tkun introdotta wara 12-il sena mindu kienet waqfet. Iċ-Chairman tal-Air Malta Charles Mangion qal li dan se jkompli jsaħħaħ il-preżenza tal-kumpanija fl-Afrika ta’ Fuq wara introduzzjoni tas-servizzi lejn Tuneż u l-Marokk.

L-iskeda ta’ titjiriet se taħdem kif ġej, kemm għat-Tnejn kif ukoll għall-Ġimgħa (ħin lokali): It-titjira KM710 titlaq minn Malta f’23:40 u tasal il-Kajr fis-02:15. It-titjira KM711 titlaq mill-Kajr fit-03:15 u tasal Malta fis-06:20.

Il-Kajr, li tinsab fuq ix-xtut tax-Xmara Nil, hija waħda mid-destinazzjonijiet l-aktar mfittxija fid-dinja.