Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat għal darb’oħra, sabiex jippubblika r-rapport tal-inkjesta Egrant, sabiex juri x’inhu jipprova jaħbi. Dan wara li llum, il-Qorti qatgħet is-sentenza u ddeċidiet li l-Kap tal-Oppożizzjoni Delia m’għandux jingħata kopja tar-rapport. Delia qal li se jappella din id-deċiżjoni.

Filmat: Delia mhux se jingħata kopja tal-inkjesta Egrant; se jappella

“Il-Qorti ddeċidiet li l-Oppożizzjoni għandha dritt tkun ‘watchdog’ tal-Gvern”

Hu u jindirizza attività politika max-xatt ta’ bejn Ta’ Xbiex u l-Imsida llum, Delia qal li s-sentenza tal-Qorti tgħid ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu d-dmir u d-definizzjoni li jkun “watchdog” pubbliku fuq il-Gvern, u tgħid li l-informazzjoni li hemm fir-rapport hi ta’ importanza pubblika.

Il-Kap tal-PN qal li Muscat kien qal li jrid jippubblika r-rapport b’mod premeditat u maqbul mal-Avukat Ġenerali, billi kien diġà ddiskuta miegħu. Delia qal li issa m’hemm xejn xi jxekkel lill-Prim Ministru milli jippubblika r-rapport sħiħ.

“Mexxa s-seduti biex ma jiddiskutix l-abort”

Adrian Delia kompla jgħid li l-Prim Ministru tkellem b’diżrispett totali lejn dawk li għandhom valuri kontra l-abort. Qal li kien hemm sitt seduti parlamentari skedati għad-diskussjoni dwar l-abort, li l-Prim Ministru aġġornahom biex ma jiddibattix l-abort. Delia, min-naħa tiegħu, indirizza lill-Mexxej tal-Partit Laburista u qal li hu lest jiddiskuti l-abort miegħu jkun fejn ikun.

Filmat: “L-elezzjoni hija wkoll referendum dwar l-abort” – Delia

B’referenza għall-buttuna tal-paniku, li l-PL tella’ billboard dwarha, jimplika li Delia qed isemmi l-abort fil-kampanja elettorali għax qed jippanikja, Delia qal li hu qed jitkellem dwar l-ambjent meqrud, il-baħar imniġġes, l-iskart maħluq, fuq “l-iktar Gvern maħmuġ fil-pajjiż.”

Adrian Delia temm jgħid li l-Ġimgħa li ġej se jerġa’ jistieden lil Muscat għal dibattitu, mhux bi sfida, imma b’rispett għan-nies.