Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat sostna li l-appell huwa d-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni hekk kif irreaġixxa għad-deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali li ċaħdet it-talba ta’ Adrian Delia li jkollu kopja tal-inkjesta maġisterjali dwar it-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant. Muscat saħaq li l-intenzjoni tiegħu tibqa’ li r-rapport kollu kemm hu jiġi ppubblikat kollu kemm hu mill-iktar fiss possibbli.

AQRA: Filmat: Delia mhux se jingħata kopja tal-inkjesta Egrant; se jappella

Waqt attività politika tal-Partit Laburista bħala parti mill-kampanja elettorali f’Ħal Luqa, Muscat saħaq li kieku d-deċiżjoni kienet mod ieħor, Delia kien jgħidilna li mhux sew li jappellaw. Huwa sostna li huwa dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jappella d-deċiżjoni u li l-Partit Laburista ma għandux problema li se jkun qed jappella.

AQRA: Filmat: “Fl-interess pubbliku li jiġi ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta Egrant” – PN

Fid-diskors tiegħu Muscat qal li minkejja dak li ġie ppubblikat s’issa huwa ċar huwa kompla billi kkwota dak li qal il-Maġistrat Aaron Bugeja fil-konklużjonijiet, b’Muscat jikkwota li l-mod kif inhu miktub li l-kontenut tar-rapport ma jista’ jbiddel xejn mill-konklużjonijiet li ġew irrappurtati sa issa. Il-konklużijonijiet ewlenin tar-rapport tal-inkjesta Egrant ġie ppubblikat fit-22 ta’ Lulju 2018. Dan wara li l-Maġistrat Bugeja kkonkluda l-inkjesta maġisterjali li Muscat kien ordna fuqu nnifsu.

AQRA: Filmat: ‘Il-PM qed jistenna l-appell tal-Qorti Kostituzzjonali’ – PL

Dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport, Muscat sostna li huwa determinat li r-rapport kollu kemm hu jiġi ppubblikat mill-iktar fiss possibbli. Kompla jispjega li r-rapport għandu jiġi ppubblikat skont il-parir tal-Avukat Ġenerali. Muscat qal li l-Avukat Ġenerali wissieh biex ma jgħaġġilx meta jkun se jippubblika r-rapport dan għaliex taf tfixkel l-investigazzjonijiet.

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat se jkun qed jieħu sehem f’attività politika parti mill-kampanja elettorali fi Triq Sant’Andrija Ħal Luqa. L-attività mistennija tibda fis-6.30pm.