L-Arċisqof Charles Scicluna llum jagħlaq 60 sena. Hekk kif għadu kemm għalaq erba’ snin minn mindu sar Arċisqof ta’ Malta, l-Arċisqof Scicluna igawdi reputazzjoni mill-aqwa kemm bħala bniedem ta’ ħidma kbira kif ukoll bħala persuna li tħoss u timxi fil-passi tal-batut.

L-Arċisqof Scicluna serva f’diversi karigi fi ħdan il-knisja, minn livell parrokkjali sal-ogħla istituzzjonijiet fil-Vatikan. Minħabba dan hu għandu esperjenza vasta kemm fid-dgħufija tal-bniedem kif ukoll fil-kapaċitajiet tiegħu. Huwa sar awtorità internazzjonali fil-qasam tal-investigazzjoni ta’ abbużi sesswali. Kien strumentali f’investigazzjonijiet ċelebri u delikati bħal dik li saret fuq Marcial Maciel fl-2005 kif ukoll, aktar riċenti fl-investigazzjonijiet dwar abbużi sesswali fiċ-Ċilì. Jirrapporta direttament għand il-Papa, l-Arċisqof kien il-moħħ wara d-digriet appostoliku riċenti li ħareġ il-Papa dwar kif għandha ssir investigazzjoni dwar abbużi sesswali fi Djoċesi.

Aqra wkoll:

He cared, it mattered to him – Sex abuse victim on Archbishop Scicluna

Archbishop Charles Scicluna, the pope’s incorruptible collaborator

Imwieled il-Kanada, imrobbi Malta

Imwieled il-Kanada lil Emanuel u Maria Carmela, Charles ingieb lura Malta meta kien għadu tarbija.  Il-familja Scicluna waslet Malta fl-1960 u għal diversi snin kienet toqgħod Ħal Qormi sakemm marret toqgħod Ħal Lija fl-1976. Huwa ggradwa bħala avukat fl-1984 u temml-istudji teoloġiċi tiegħu sentejn wara meta kien ordnat saċerdot. Huwa intbagħat Ruma biex jissokta l-istudji legali tiegħu fil-liġi kannonika fejn kiseb id-Dottorat fid-Dritt Kanoniku bi speċjalizazzjoni fil-Ġurisprudenza fl-1991. Wara l-istudji f’Ruma Mons. Scicluna ħadem fuq it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta bhala Difensur taż-Żwieġ u kien ukoll lecturer fit-Teoloġija Pastorali u fid-Dritt Kanoniku fl-Università ta’ Malta.

Ħajja ta’ ħidma u servizz

Wettaq ħidma pastorali f’diversi parroċċi u fl-1995 ġie msejjaħ biex  jaħdem fil-Vatikan fit-Tribunal Suprem tas-Senjatura Appostolika bħala Sostitut Promotur tal-Ġustizzja. Fl-1996 ġie nominat Postulatur fil-kawża tal-beatifikazzjoni u tal-kanonizzazjoni ta’ Dun Ġorġ Preca. F’Ottubru 2002 Mons. Scicluna inħatar Promotur tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi bil-mandat li jinvestiga u jkun prosekutur fil-każi l-iżjed gravi riservati għall-Kongregazzjoni. Fis-6 ta’ Ottubru 2012, il-Papa Benedittu XVI innomina lil Mons. Scicluna bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta bit-titlu ta’ San Leone. Hu kien ikkonsagrat Isqof fl-24 ta’ Novembru 2012. Fit-28 ta’ Novembru 2012, tħabbret il-ħatra tiegħu bħala membru tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan.

Fil-21 ta’ Jannar 2015, il-Papa Franġisku innomina lil Mons. Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ Speċjali fi ħdan il-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, biex jiddeċiedi l-appelli fil-proċessi dwar offiżi serji stabbiliti fil-Motu Proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela. Fis-27 ta’ Frar 2015, il-Papa Franġisku ħatar lil Mons. Scicluna bħala Arċisqof ta’ Malta. Fit-13 ta’ Novembru 2018, il-Papa Franġisku ħatar ukoll lil Mons. Scicluna bħala Segretarju Aġġunt tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede.