Aidan Cassar

Wara li lbieraħ filgħaxija l-kantanta Chiara tat-wirja fil-EuroClub, f’Tel Aviv fl-Iżrael, bħala parti mill-bosta avvenimenti marbuta mal-Eurovision Song Contest, illejla artist Malti ieħor se jkun qed ikanta f’attivita oħra.

Aidan Cassar li rajnih fl-ewwel edizzjoni ta’ X Factor Malta iżda li ħafna żgur jiftakruh fil-Malta Eurovision Song Contest tal-2018 bil-kanzunetta Dai Laga, se jkun qed jingħaqad ma’ bosta artisti oħra tal-Eurovision fit-Theatre Club f’Jaffe, f’Tel Aviv fl-Iżrael.

Dan il-post jinsab qrib il-Eurovision Village, post ieħor li jkun qiegħed attiv ferm f’dawn il-ġranet tal-Eurovision.

Fit-Theatre Club, apparti Aidan, bosta artist mill-Eurovision qed jagħtu s-sehem tagħhom f’dawn is-serata. Dawn jinkludu lil Tamta (Ċipru), Kate Miller-Heidke (Awstralja), Conan Osiris (Portugall), Bilal Hassani (Franza), Katerine Duska (Greċja), Eliot (Belġju), Zala & Gasper (Slovenja), John Lundvik (Żvezja), Victor Crone (Estonja), Serhat (San Marino), Nevena Bozovic (Serbja),  Lake Malawi (Repubblika Ċeka), kif ukoll Måns Zelmerlöw, li fl-2015 rebaħ il-Eurovision Song Contest.