Dr Kevin Smith, id-Direttur ta’ programm fil-qasam ġurnalistiku fl-Università ta’ Ohio fl-Istati Uniti, qal li jemmen li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet għal żewġ raġunijiet.

Ma’ Newsbook.com.mt, Smith qal li jemmen li l-ġurnalista nqatlet biex tiġi mwaqqfa milli tkompli tikteb u biex jitwaqqaf kull ġurnalist ieħor milli jimxi fuq il-passi tagħha.

Smith, li għandu 40 sena esperjenza fil-qasam tal-ġurnaliżmu, xejn ma kellu kliem ta’ tifħir għall-midja tal-partiti. Qal li dawn joħolqu problemi enormi għal Malta. Tkellem ukoll dwar l-aħbarijiet foloz u kif dawn qed jevolvu.

Spjega li l-qtil tal-ġurnalista ġab miegħu l-hekk imsejjaħ “effett li jiffriża” (chilling effect). Dan l-effett huwa effett li jxekkel lil xi ħadd milli jeżerċità d-drittijiet tiegħu b’theddid jew bil-biża’ ta’ riperkussjonijiet. Reċentament ħareġ li Malta kompliet niżla fl-indiċi li jikklassifikaw lill-pajjiżi kollha tad-dinja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ libertà tal-midja.

“Issawwat u ħarġuh mill-binja”

Smith qal li kien il-Pakistan fejn hemm tkellem ma’ ġurnalist li darba kien qed jaħdem fil-kamra tal-aħbarijiet. Dan issawwat u ħarġuh mill-binja li ngħatat ukoll in-nar. Dan il-ġurnalist spiċċa l-ħabs. Qallu li anke 15-il sena wara li ġara l-każ, xorta m’għadux il-ġurnalist li xi darba kien. Jgħix fil-biża’ li xi darba se jkaxkruh ‘il barra minn daru, jerġgħu jattakkawh, u jerġa’ jispiċċa priġunier.

Smith qal li meta kien jaħdem bħala ġurnalist kien jaħseb li kien ikollu ġurnata iebsa meta jispiċċa jiekol il-kolazzjon, l-ikla ta’ nofsinhar, u l-ikla ta’ filgħaxija fl-uffiċċju tiegħu minħabba s-sigħat twal tax-xogħol. Smith qal li qatt ma ssawwat u ngħata sentenza ta’ ħabs. Però fakkar li fl-2018, ħames persuni li kienu jaħdmu ma’ gazzetta fl-Istati Uniti inqatlu.

Smith qal li hemm theddida kontinwa għall-ġurnalisti fl-Istati Uniti. Qal li qabel fejn l-Istati Uniti kienu s-swar tal-libertà tal-midja, issa l-ġurnalisti jridu jinkwetaw dwar jekk hux se jinqatlu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-midja tal-partiti huma problema enormi – Smith

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni f’Malta fejn iż-żewġ partiti l-kbar għandhom l-mezzi tax-xandir tagħhom, Smith qal li din mhix sitwazzjoni unika għal Malta però qal li toħloq “problemi enormi”. Qal li tonqos il-kredibilità.

Smith qal li dam ġimgħa Malta li fiha qalulu ripetutament li hemm xettiċiżmu ġenerali dwar il-midja f’Malta. Qal li hemm nies li jisimgħu biss l-istazzjon tal-partit tagħhom u jifhmu li mhux qed jirċievu l-verità sħiħa.

Ċerti oqsma tal-midja f’Malta ta’ sikwit jippubblikaw artkli li jkunu ġejjin minn stqarrijiet li jirċievu. Xi drabi dawn jiġu ppubblikati kelma b’kelma.

Jekk ma jafdawkx m’għandekx post fil-ġurnaliżmu – Smith

Smith qal li mhux etiku li wieħed jieħu l-kontenut ta’ xi ħaddieħor u jużah f’ismu. Qal li dan ikun qerq. Smith jemmen li meta jkun hemm ismu fuq storja jkun jixtieq lin-nies jifhmu li qed ikun onest, bilanċjat, u eżatt kemm jista’ jkun.  Żied jgħid li jekk ismu jinsab fuq storja u li dak kollu li hemm taħt dak l-isem huwa xogħol ħaddieħor, allura dan ifisser li jkun qed iqarraq bin-nies u ma jkollhomx raġuni għalfejn għandhom jaqraw l-affarijiet li jikteb.

“Jekk il-pubbliku ma jafdakx, jekk in-nies ma jistgħux jaraw ismek taħt storja u jemmnuk, m’għandekx post fil-ġurnaliżmu. M’għandekx valur.”

Smith qal li stqarrija hija strument għal ġurnalist biex jagħmel ir-rappurtaġġ tiegħu. Qal li wieħed għandu jieħu din l-informazzjoni u jespandi fuqha.

Mistoqsi dwar stħarriġ reċenti li sar f’Malta li żvela li aktar minn nofs in-nies ma jaqrawx aħbarijiet onlajn jew dawk stampati, Smith qal li jaħseb li dan huwa minħabba l-mezzi tal-midja tal-partiti. Qal li normalment f’ħafna pajjiżi n-nies jemmnu lill-midja ħielsa aktar mill-Gvern. F’Malta ma jidhirx li dan huwa l-każ. Smith qal li din is-sitwazzjoni “pjuttost unika” probabbli ġejja minħabba l-midja mmexxija mill-istat.

Ġieli jkun gvern li joħloq l-aħbarijiet foloz – Smith

Newsbook.com.mt staqsa wkoll lil Smith dwar l-aħbarijiet foloz (fake news) b’mod ġenerali madwar id-dinja. Smith jemmen li f’ċertu każijiet, ikun gvern li jkun dak li qed joħloq l-aħbarijiet foloz. Qal li diġà hemm evidenza li turi li dan qed jiġri. Spjega li minflok ma jistrieħ fuq iċ-ċittadini biex joħolqu l-aħbarijiet foloz, il-gvern ikun qed jerfa’ r-responsabbilità u joħloq dawn l-aħbarijiet hu stess.

Qal li hemm żewġ opportunitajiet għal Gvernijiet fejn jidħlu l-aħbarijiet foloz. Qal li l-gvern jista’ jqabbad l-akbar partitarji tiegħu biex joħolqu l-aħbarijiet foloz għan-nom tal-Gvern. Però wissa li wieħed m’għandux jaħseb li gvern mhux kapaċi joħloq il-fake news għall-benefiċċju tiegħu stess.

Il-fake news qed jevolvi skont Smith. Qajjem it-tħassib tiegħu dwar l-hekk imsejħa deep fake videos. Dawn ikunu filmati li ġew immanipulati għal t’apposta. Spjega li wieħed kważi jkollu bżonn jagħmel analiżi forensika biex jiddetermina jekk humiex foloz jew le.

“Hekk kif it-teknoloġija tevolvi hemm persuni li huma ddeteriminati li joħolqu l-kaos u l-problemi bl-użu tal-fake news. Huma jinsabu dejjem pass ‘il quddiem. Jekk għandek filmati li qed jidhru fuq YouTube u qed jinxterdu u persuna medja ma tkunx tista’ tinduna jekk humiex foloz jew le, dan ifisser livell ieħor ta’ problemi għalina l-ġurnalisti u anke għall-pubbliku.”