Bla dubju ta’ xejn li l-kantanta Chiara mhux biss tgawdi popolarità hawn Malta iżda wkoll barra minn xtutna. Ħadet sehem fil-Eurovision Song Contest tliet darbiet, fl-1998 b’The One That I Love, fl-2005 b’Angel u fl-2009 bil-kanzunetta What If We.

Minkejja li għaddew is-snin, Chiara baqgħet il-favorita ma’ ħafna fans tal-Eurovision madwar id-dinja.

F’Ġunju, il-kantanta Maltija se tkun qed tieħu sehem f’UNESCON, l-ewwel konvenżjoni tal-Eurovision li se tittella f’Hannover fil-Ġermanja.

Intant, fil-Euro Club, f’Tel Aviv fl-Iżrael, ilbieraħ filgħaxija l-attivitajiet bdew malli ntemmet l-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest.

Chiara ntgħatat merħba kbira minn dawk kollha preżenti, u l-interpretazzjoni tagħha ta’ Angel li biha kklassifikat fit-tieni post fl-2005 kienet milqugħa ferm, hekk kif l-udjenza preżenti saħansitra bdiet ukoll tkanta magħha.

Filmat mill-wirja ta’ Chiara lbieraħ ġewwa Tel Aviv, fl-Iżrael:  Olivier Vanhoutte