L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li l-baħar Mediterran huwa baħar taċ-ċiviltà u għalhemm m’għandux isiru ċimiterju ta’ bnedmin li kienu biss qed jippruvaw ifittxu ħajja aħjar.

Dan qalu f’kumment ma’ Newsbook.com.mt wara li talab fuq il-qabar tal-24 immigrant li mietu fil-baħar Mediterran f’April tal-2015 u jinsabu midfuna fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata f’Raħal Ġdid. L-Arċisqof semma kif sfortunatament, għal dawn in-nies, Malta serviet biss bħala ċimiterju, “mhux għax qatlithom hi, imma għax mietu fil-Mediterran.” Tenna li din l-okkażjoni tfakkar fil-ħtieġa li tintwera solidarjetà filwaqt li tħeġġeġ biex l-Ewropa kollha u l-Mediterran kollu jkun ambjent li jilqa’ lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Lura f’April tal-2015, bastiment wieħed li ġġarraf sewa l-ħajja ta’ aktar minn 800 persuna, li kienu qed jaħarbu mil-Libja sabiex isibu l-paċi u s-sigurtà. Minn dan il-grupp, 28 persuna biss salvat u l-għadd eżatt ta’ persuni li tilfu ħajjithom baqa’ qatt ma ġie determinat.

Temm jgħid li Malta għandha bżonn is-solidarjetà tal-Ewropa kollha biex tkompli tkun preżenza li tgħin u tilqa’ lil min għandu bżonn.