Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi qal lit-tfal tal-Iskola tal-Knisja St Dorothy’s f’Ħaż-Żebbuġ li fl-isport għandhom jgħinu lil dawk l-aktar dgħajfa u li forsi “jaqgħu” matul it-triq.

Waqt l-attività tat-tberik u l-inawgurazzjoni tal-faċilitajiet sportivi ġodda fl-Iskola, l-Isqof Awziljarju rringrazzja lil kull min ta’ sehmu sabiex iseħħ dan il-proġett. Huwa għamel referenza għal dak li qal il-Papa Franġisku fi tmiem il-ġimgħa li għadda, fejn saħaq li permezz tal-isports iż-żgħażagħ jingħataw iċ-ċans ikollhom stil ta’ ħajja san u pożittiv, ibbażat fuq il-viżjoni Nisranija tal-bniedem.

Saħaq li l-isport jgħin lill-individwu jikseb l-istima tiegħu nnifsu, is-self-control u r-rispett għall-oħrajn. Mons. Galea-Curmi qal li l-Papa jenfasizza li d-dinja li ngħixu fiha ghandha tkun bbażata fuq kompetizzjoni b’saħħitha, fejn l-avversarju hu ħabib u mhux għadu.

Tenna li “l-Evanġelju jurina dinja fejn id-diversità mhijiex raġuni ta’ firda, iżda opportunità ta’ żvilupp u għajnuna reċiproka.”