L-Isqof t’Għawdex Mario Grech, fl-okkażjoni tal-ewwel Dehra tal-Madonna ta’ Fatima ħeġġeġ lill-Insara sabiex sal-Għid il-Ħamsin jieħdu l-inizjattiva u jħeġġu lil sħabhom biex jagħmlu l-Affidament tagħhom lil Ommna Marija.

Waqt il-Quddiesa li saret nhar it-Tnejn li għadda, l-Isqof Grech sostna li jixtieq li sa Għid il-Ħamsin li ġej fil-familji, fl-għaqdiet, fil-klabbs u l-bqija jsir Affidament lil Marija billi jgħidu t-talba li l-Kappillani qed iqassmu lill-familji waqt it-Tberik tal-Għid.

L-Isqof kien qed itenni s-sejħa li diġà għamel permezz ta’ Ittra Pastorali li bagħat f’Jum l-Omm, l-ewwel waħda li hu qatt kiteb għal din l-okkażjoni, propju biex jenfasizza fuq ir-rwol tal-Madonna bħala Omm li tieħu ħsieb ta’ wliedha, meta f’Għawdex qed tiġi ċċelebrata Sena Marjana.

Il-quddiesa ta’ nhar it-Tnejn, fil-Kunvent tas-Sorijiet Salesjani fir-Rabat Għawdex, saret ukoll fl-okkażjoni tat-twaqqif tal-Assoċjazzjoni Devoti ta’ Marija Awżiljatriċi (ADMA) fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Don Bosco, il-fundatur tal-Kongregazzjoni Salesjana, kellu ħafna għal qalbu l-qima lejn il-Verġni Mbierka taħt dan it-titlu ta’ Għajnuna tal-Insara, u kien iħeġġeġ lil uliedu s-Salesjani jikkonsagraw ruħhom lilha.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof reġa’ rrefera għal San Lwiġi Marija de Montfort li jgħid li “d-devozzjoni lejn il-Verġni Marija hija meħtieġa biss biex il-bniedem isib perfettament lil Ġesù Kristu”, u allura ma tiqafx magħha imma twassalna għand Binha.

L-Affidament lill-Verġni Mbierka, li mistenni jsir fuq livell djoċesan fil-5 ta’ Ġunju fis-Santwarju Ta’ Pinu, hu “stedina biex aħna nġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija tagħna li essenzjalment huma tnejn: li naħarbu d-dnub u li nkunu kollna kemm aħna ta’ Alla Trinità”, tenna l-Isqof Grech.

Għall-okkażjoni, flimkien mal-Isqof, ikkonċelebraw ukoll Patri Alfred Sacco SDB, responsabbli mill-Għaqda tal-Koperaturi Salesjani u mill-ADMA f’Għawdex, kif ukoll Dun George Borg, Kappillan tas-Sorijiet Salesjani f’Għawdex.