Mal-wasal tagħhom fiż-żona tat-tiftix u salvataġġ, il-bastiment Sea-Watch 3 salva 65 persuna minn dgħajsa tal-lasktu madwar 30 mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Libjana.

Fi stqarrija ġie spjegat li fost il-65 persuna salvati hemm 11-il mara, persuna bi bżonnijiet speċjali, żewġt trabi, ħamest itfal u tmien minuri mingħajr adulti jakkumpanjawhom. Bosta wrew sinjali ta’ għajja kbira, għatx u sea sickness.

Il-Kap tal-ħidma ta’ Sea-Watch 3, Philipp Hahn qal li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet reġa’ deher x’jiġri meta l-Mediterran jitħalla f’idejn l-Unjoni Ewropea u sħabha. Sostnew li filwaqt li l-ammont ta’ dgħajjes li qed jitilqu mil-Libja qed jiżdied b’mod drammatiku, iżda l-bastimenti ta’ salvataġġ mhux qed ikunu fiż-żona. Għaldaqstant sostna li 70 persuna tilfu ħajjithom filwaqt li 240 persuna oħra ttieħdu lura l-Libja.

Intant, wara li salvat il-grupp ta’ persuni mill-għarqa, l-NGO avżat lill-awtoritajiet Maltin, Taljani u tan-Netherlands, kif ukoll lill-awtoritajiet Libjani.