Father Simeon Yampa, li nqatel fl-attakk fuq il-Knisja nhar il-Ħadd 12 ta’ Mejju

Papa Franġisku offra talb speċjali għall-vittmi tal-attakk li sar waqt quddiesa fil-Burkina Faso li seħħ nhar il-Ħadd li għadda u li fih inqatlu sitt persuni.

Skont Vatican News, l-attakk sar fuq Knisja fil-belt żgħira ta’ Dablo waqt li l-insara kienu ħerġin mill-quddiesa għal ħabta tad-9.00 a.m., meta grupp ta’ Jihadisti rekbin fuq bycicles iċċirkondaw il-knisja.

Xhieda fuq il-post qalu li l-mira tal-attakk kien Dun Simeon Yampa, saċerdot ta’ 34 sena mill-Burkina li kien inkarigat mid-djalou inter-reliġjuż fid-djoċesi. Meta l-qassis ipprova jisgiċċa, it-terroristi ġrew warajh bil-muturi tagħhom, sparawlu u qatluh.

Għażlu 5 u qatluhom

Wara li qatlu lill-qassis, it-terroristi rritornaw lejn il-Knsija u ġiegħlu lill-insara jimteddu fl-art, qabdu ħamsa minnhom u sparawlhom biex qatluhom.

Is-Sindku tar-raħal qal li t-terroristi ħarqu l-Knisja u numru ta’ ħwienet u restaurant fil-qrib qabel marru lejn ċentru tas-saħħa u ħarqu l-karrozza tal-kap tal-infermiera. “Fil-belt hawn paniku kbir. In-nies issakkru fi djrhom, Il-ħwienet baqgħu magħluqa. Sirna qisna belt tal-fatati”.

Il-Gvern filwaqt li kkonferma l-qtil ta’ sitt pesuni fosthom qassis f’dak li sejjaħ “attakk barbaru”  qal li wara li “ma rnexxielhomx ikesksu l-komunitajiet kontra xulxin billi joqtlu l-kapijiet tal-komunitajiet, il-gruppi terroristi issa qed jattakkaw ir-reliġjon bi pjan djaboliku biex jifirduna” qalet stqarrija tal-Gvern.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qalet li l-Knisja u l-popolazzjoni kollha ta’ Burkina Faso qegħdin isofru ħafna. It-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż qed jikbru. Saċerdoti qed jinqatlu. Insara qed jinħatfu u knejjes ikunu attakkati u mkissra.

Allah ma jibgħat lil ħadd joqtol f’ismu

“L-insara fil-Burkina Faso, bħal ħafna nsara oħra fl-Afrika, qed isofru minħabba l-fidi tagħhom. Hu f’dan il-kuntest li l-Isqfijiet tal-Afrika tal-Lvant qed jiltaqgħu biex iwasslu l-appoġġ spiritwali u morali tagħhom lill-insara”, qal Donald Zagaro tas-Soċjeta tal-Missjonijiet Afrikani.

“Illum għad hawn mi joqtol f’isem Allah tal-ħniena.  Iżda l-verità hi li Allah ma jibgħat lil ħadd joqtol f’ismu.  Dawk li jgħidu li joqtlu f’ismu huma sempliċement kriminali li ġaqqhom ikunu arrestati u ġudikati skont il-liġijiet tal-pajjiż”, żied jgħid il-missjunarju lill-aġenzija FIDES.

Il-Knisja, permezz tal-Isqfijiet trid turi lid-dinja li l-insara f’Burkina m’humiex weħidhom f’din il-ġlieda kontra l-estremiżmu reliġjuż. Din il-ġlieda tintrebaħ għax aħna nafu u nemmnu li l-ħażen m’għandux l-aħħar kelma fuq ħajjitna, iżda din l-isfida ma nistgħux niffaċċjawha jekk il-Gvernijiet ma jgħinux b’mod konkret u effettiv.