Fr. Emmanuel Chimombo, iġorr kopja tal-Bibbja bl-Ingliż għax bil-lingwa Afrikana tiegħu ma tinstabx

Kattoliċi madwar id-dinja qed isibuha diffiċli li jsibu kopji tal-Bibbja fil-lingwa lokali u bi prezz affodabbli. Dan sar magġruf waqt Kungress Bibliku li sar f’Ruma ftit ġranet ilu.

Fr. Emmanuel Chimombo, koordinatur tad-Dipartiment Pastorali tal-AMECEA (Association of Member Episcopal Conferences in East Africa) li kien fost il-parteċipanti fil-Kungress qal li fil-laqgħa dehret ċara l-ħtieġa li l-Bibbja tkun aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, partikolarment għomja u dawk torox jew li għandhom diffikulta biex jitkellmu.

“Indunajna li għal żmien twil il-Knisja Kattolika ma ħallietx il-Bibbja tasal għand il-lajċi bħallikieku kienet ktib għall-għorrief biss u l-kleru li kellu l-mandat biex jinterpretaha lill-poplu.. Wara l-Konċilju Vatikan II, il-Knisja għndha l-mandat biex tagħti l-Bibbja lill-poplu u tagħmilha popolari kemm jista jkun”, spjega Fr. Emmanuel.

Lingwi differenti

Il-Kungress stabilixxa li għalkemm sar ħafna biex il-Bibbja ssir popolari fost l-insara, għad fadal ħafna xi jsir fosthom li jkun hemm strateġija biex fis-snin li ġejjin il-Bibbja tkun aċċessibbli f’lingwi differenti u biex jitrawwem interess fost l-insara lajċi biex jixtru u jaqawha.

Il-parteċipanti fil-Kungress taw ħarsa kritika fuq id-diversi aspetti tar-realtà pastorali tal-Knisja u studjaw l-aħjar prattiċi u l-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw diversi partijiet tad-dinja.

Fl-Afrika, għalkemm saru passi ‘l quddiem għad fadal xi jsir għax il-Bibbja għad ma kenitx tradotta fil-lingwi lokali kollha.

Is-Sena tal-Kelma

Is-Segretarjat tal-Federazzjoni tal-Bibbja Kattolika li bħalissa hu fil-Ġermanja qed jipprova jippromwovi u jiżviluppa l-ministeru pastorali tal-Bibbja biex il-Kelma t’Alla ssir għajn dinamiku ta’ ispirazzjoni għall-insara fil-Knsija fid-dinja tal-lum.

Fi tmiem il-Kungress ta’ Ruma, il-President tal-Federazzjoni tal-Bibbja Kattolika, il-Kardinal Anrtonio Tagle, li hu wkoll l-Arċisqof ta’ Manila, ħabbar li s-sena 2020 se tkun dedikata bħala “Is-Sena tal-Kelma” li se tibda fl-ewwel Ħadd tal-Avvent – l-1 ta’ Diċembru 2019 sal-festa ta’ San Ġilormu, fit-30 ta Settembru, 2020.