The Alabama Senate chamber is empty hours before a state Senate vote on the strictest anti-abortion bill in the United States, at the Alabama Legislature in Montgomery, Alabama, U.S. May 14, 2019. REUTERS/Chris Aluka Berry

Is-Senat tal-Istat ta’ Alabama fl-Istati Uniti għadda abbozz ta’ liġi li tagħmel illegali kważi kull tip ta’ abort, b’eċċezzjoni biss sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-omm. Dan bħala parti mill-isforz li qed jagħmlu bosta stati sabiex il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tikkunsidra mill-ġdid id-dritt kostituzzjonali ta’ mara għall-abort.

Dak li qed jiġi msejjaħ bħala l-aktar abbozz strett dwar l-abort fil-pajjiż ġie approvat mill-Kamra tar-Rappreżentanti f’Alabama u issa se tkun qed tmur quddiem il-Gvernatur Repubblikan Kay Ivey, li minkejja għadha ma tatx il-kummenti tagħha hija ġeneralment kontra l-abort.

Il-liġi li għaddiet b’25 vot favur u 6 kontra tidħol fis-seħħ sitt xhur wara li tiġi ffirmata mill-Gvernatur. Madanakollu hemm ċertezza li se tirċievi sfidi legali mill-American Civil Liberties Union u gruppi oħra li wiegħdu li se jieħdu passi kontriha.

Il-leġiżlazzjoni li toħloq restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-abort ġiet introdotta f’16-il stat, b’erba’ gvernaturi jiffirmaw l-abbozzi li jgħidu li l-abort m’għandux jitħalla jsir jekk hemm sinjali ta’ qalb qed tħabbat. Madanakollu, din ta’ Alabama qed tipprojbixxi l-abort kompletament u dawk li jinqabdu jagħmlu dan jistgħu jeħlu bejn 10 snin u 99 sena ħabs. Madankollu, in-nisa li jirċievu l-abort mhux se jkunu akkużati kriminalment.

Is-senat ikkontrollat mir-Repubblikani saħansitra rrifjuta emenda proposta mid-Demokratiċi li tippermetti abort legali għal nisa u tfal li spiċċaw tqal wara li ġew stuprati jew f’każ ta’ inċest.