Hekk kif bosta persuni qed jitgerfxu dwar liema LSE kienet qed tirreferi għaliha Sefora Tabone, omm Diego, hi sostniet li l-LSE li tkun ma’ binha l-iskola ta’ kuljum hija waħda eżemplari u tagħmel minn kollox mat-tifel.

Dan propju wara li fl-aħħar jiem tellgħet filmat tikkritika LSE li tkun mat-tifel għal ftit tal-ħin biss filgħodu fil-ħin tal-Breakfast Club wara li din “għajtet u xejret subajgħa” f’wiċċ it-tifel waqt li kienet qed tikkoreġih fil-klassi. Filwaqt li l-omm kienet qalet li l-LSE kienet qed tikkoreġi lit-tifel għax beda jwaddab l-affarijiet, għalliema u ġenituri li wkoll kienu fuq il-post qalu li l-LSE għamlet li setgħet biex twaqqaf lit-tifel milli jkompli jsawwat tfal oħrajn u lilha fil-klassi.

Aqra: “Naħfrilha lil-LSE” – omm tifel bl-awtiżmu; L-MUT tistenna apoloġija mingħand l-omm

Intant, Tabone spjegat kif malli waslet l-iskola dalgħodu, sabet lil-LSE prinċipali tat-tifel tagħha mbikkma hekk kif bosta qed jakkużawha ta’ xi ħaġa li hi ma għamlitx. L-omm faħħret lil-LSE u tenniet li importanti li l-pubbliku jifhem li l-LSE tal-Breakfast Club u dik li tkun miegħu fil-ħin tal-iskola huma żewġ persuni totalment differenti.

L-unions tal-għalliema u l-edukaturi rreaġixxew għall-każ

L-Union for Professional Educators qalet li m’għandha l-ebda tolleranza lejn min ma jġibx rispett lejn l-edukaturi, u appellat biex ikun hemm il-gwardjani fl-iskejjel. Sadattant, l-omm ħarġet lil binha mill-Breakfast Club, li hu organizzat mill-iskola tal-istat stess, u qalet li taħfer lil-LSE. Intant, l-MUT qalet li l-LSE aġixxiet kif suppost, u ma kien hemm l-ebda nuqqasijiet min-naħa tagħha. L-unjin appellat lill-ġenituri biex jiskużaw ruħhom.

Aqra: “It-tifel beda jsawwat” – għalliema; “Għajtet ma’ ibni bl-awtiżmu” – omm