L-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) ħarġet struzzjonijiet lill-infermiera biex ma jitilqux mill-wards minħabba li l-ispiżjara qed jitolbu biex il-Methadone tinġabar mill-infermiera u mhux aktar mill-carers.

Dwar din l-azzjoni industrijali, l-MUMN spjegat li r-responsabiltà tal-infermiera u l-qwiebel hija lejn il-pazjenti u mhux lejn l-ispiżjara.

F’ittra li ntbagħtet lill-membri tal-MUMN, l-uffiċjali jgħidu li l-isptar Mater Dei bħalissa qed jaħdem b’nofs l-infermiera li għandu bżonn dan l-isptar u għaldaqstant, it-talba tal-ispiżjara hija “inaċċettabli”.

Fuq nota differenti, l-MUMN avżat lill-membri li tinsab f’diskussjoni mal-amministrazzjoni tal-isptar Mater Dei biex tinstab soluzzjoni għaż-żmien ta’ stennija li l-ħaddiema jkollhom jagħmlu mal-pazjenti biex imorru fis-sezzjoni tal-ħlasijiet. Spjegaw li qed tiġi proposta portering system biex ħaddiema oħra, li ma jkunux dawk li jkunu fil-ward jgħinu lill-pazjenti biex jagħmlu dan it-traġit fl-isptar stess.