Is-Surġent Simon Schembri qala’ mutur bħala rigal għal għeluq sninu, propju sena wara li ż-żagħżugħ Liam Debono kaxkru għal diversi metri bil-karozza tiegħu waqt li l-pulizija kien fuq xogħol. Dan l-inċident swielu driegħu, u kellu jagħmel drigħ prostetiku. Sena wara, is-Surġent sab il-kuraġġ biex jerġa’ jirkeb fuq mutur u jsuqu.

Sena minn meta Simon Schembri tkaxkar minn karozza fuq xogħlu

Il-Blue Light Foundation, fondazzjoni mwaqqfa minn Schembri nnifsu sabiex tonora lill-pulizija, u lil dawk kollha li jpoġġu ħajjithom f’periklu biex jipproteġu lil ħaddieħor f’inċidenti tat-traffiku, xerrdet filmat ta’ Schembri jaqla’ dan ir-rigal, u mbagħad isuqu. Huma qalu fuq Facebook li dan iż-żmien sena ilu kien kompletament differenti għalihom, minn żmien ta’ niket għal żmien ta’ ferħ u gratitudni.

Is-Surġent Schembri rritorna għax-xogħol fl-1 ta’ Mejju fit-Taqsima tar-Reġistru tat-Traffiku. Huwa qed jgħin ukoll lit-Taqsima tal-Midja tal-Pulizija, l-aktar fejn jidħlu taħditiet fl-iskejjel li għandhom x’jaqsmu mat-traffiku f’Malta.

Liam Debono, iż-żagħżugħ akkużat bl-attent ta’ qtil fuq Simon Schembri, ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda b’depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

Aqra: Iż-żagħżugħ li kaxkar lil Simon Schembri jinħeles mill-arrest