Il-Gvern qal li x-xogħol fuq is-sit ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi miexi ġmielu tant li f’ċerti aspetti x-xogħol qiegħed madwar sitt ġimgħat qabel iż-żmien previst. Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal dan waqt żjara fuq is-sit mal-Ministru responsabbli minn Projects Plus, Konrad Mizzi.

Is-Segretarju Parlamentari Galdes ta rendikont tal-progress, u qal li bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq il-pedamenti u l-ewwel livelli ta’ garaxxijiet. Dan il-proġett jinkorpora 84 appartament, u se jospita wkoll faċilitajiet ta’ childcare u servizzi ta’ akkomodazzjoni għall-anzjani. Għandu jkollu wkoll diversi spazji miftuħa u spazji ta’ parkeġġ aktar minn dak rikjest mil-liġi.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal ukoll li dan huwa wieħed mill-proġetti estensivi ta’ akkomodazzjoni soċjali, liema proġett se jkun qed jinkludi l-bini ta’ 687 appartament li se jkunu mifruxa fuq aktar minn 16-il sit differenti f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Dan il-proġett se jiġi ffinanzjat minn Malita Investments u se jiswa mat-€58 miljun.